Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ April 2010

Posted on 01/04/201017/01/2026 By admin

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25)1.

Ġesù qal dan il-kliem fil-mewt ta’ Lażżru minn Betanja, li mbagħad Hu qajmu mill-imwiet fir-raba’ jum.

Lażżru kellu żewġ ħutu bniet: Marta u Maria.

Kif Marta semgħet li kien ġej Ġesù, ħarġet tiġri tilqgħu u qaltlu: “Mulej, li kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut!”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija ukoll jekk imut jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt”.

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

Ġesù jridna nifhmu Hu min hu għalina l-bnedmin. Ġesù għandu l-akbar ġid li wieħed jista’ jixtieq: il-Ħajja, dik li ma tintemm qatt. Jekk taqra l-Vanġelu ta’ San Ġwann, issib li Ġesù jgħid ukoll: “Bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu”2.

U għax Ġesù għandu fih il-Ħajja, hu jista’ jgħaddiha lilna.

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

Marta wkoll temmen fil-qawmien mill-mewt fl-aħħar jum: “Jiena naf li jerġa’ jqum mill-imwiet fl-aħħar jum”.

Imma meta lissen dak il-kliem mill-isbaħ: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”, Ġesù jridha tifhem li ma hemmx għalfejn tistenna l-futur biex tittama fil-qawmien mill-imwiet. Sa minn issa stess, fil-preżent, għal dawk kollha li jemmnu, huwa Hu dik il-Ħajja divina li ma titfissirx bil-kliem, Ħajja li hi eterna, ma tmut qatt.

Jekk Ġesù jinsab fihom, jekk Hu jinsab fik, inti ma tmutx. Din il-Ħajja f’min jemmen hi ħajja li ġejja mill-istess natura ta’ Ġesù rxoxt. Għalhekk hija differenti ħafna mill-ħajja umana li ninsabu fiha.

U din il-Ħajja straordinarja, li diġà teżisti fik, għad tintwera b’mod sħiħ fl-aħħar jum, meta inti għad tieħu sehem b’mod sħiħ fil-qawmien mill-mewt li għad irid jiġi.

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

B’dan il-kliem Ġesù żgur li mhux qed jgħid li l-mewt tal-ġisem ma teżistix. Imma biha aħna ma nitilfux il-Ħajja vera. Il-mewt, għalik u għal kulħadd, tibqa’ esperjenza ta’ darba, esperjenza qawwija li forsi lilna tbeżżagħna. Imma dan ma jfissirx li l-ħajja tiegħek ma tagħmilx sens, li t-tmiem tiegħek huwa xi ħaġa assurda, ma tfissirx il-falliment tal-ħajja, it-tmiem tiegħek. Għalik, il-mewt ma tibqax tfisser tassew mewt.

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

Meta twieldet fik din il-Ħajja li ma tmut qatt? Fil-magħmudija. Dakinhar, għalkemm kont tinsab fil-kundizzjoni ta’ persuna li għad trid tmut, mingħand Kristu inti ħadt il-Ħajja li ma tintemm qatt. Infatti fil-magħmudija int irċevejt l-Ispirtu s-Santu li hu dak li qajjem lil Ġesù mill-mewt.

Biex tkun tista’ tirċievi dan is-sagrament, int ridt ikollok il-fidi, li inti stqarrejtha permezz tal-parrini tiegħek. Infatti Ġesù, meta qajjem lil Lażżru mill-mewt, lil Marta qalilha: “Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix” (…) “Temmnu inti dan?”3.

Hawnhekk, “temmen” hi xi ħaġa mill-aktar serja, mill-aktar importanti: ma jfissirx biss li inti taċċetta l-veritajiet li qal Ġesù, imma li inti tgħixhom bi sħiħ.

Mela biex ikollok din il-ħajja, lil Kristu trid tgħidlu iva. Dan ifisser li inti trid tilqa’ kliemu, l-ordnijiet tiegħu: li tgħixhom. Dan stqarru Ġesù: “Min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”4. It-tagħlim kollu ta’ Ġesù hu miġbur fl-imħabba.

Għalhekk int ma tistax ma tkunx ferħan: fik hemm il-Ħajja!

“Jiena hu l-qawmien u l-ħajja”.

F’dawn il-ġranet li fihom qed inħejju ruħna biex niċċelebraw l-Għid, ejjew ngħinu lil xulxin biex kontinwament ikollna l-ħila ndawru t-tmun lejn il-mewt tal-jien tagħna biex Kristu, li qam mill-imwiet, jgħix fina sa minn issa stess.

1     Kelma tal-Ħajja, Marzu 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 25/02/1999, no. 4, p. 45.
2     ara Ġw 5, 26.
3     Ġw 11, 26.
4     Ġw 8, 51

Kelma tal-Ħajja Tags:il-Kelma t’Alla

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2010
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2010

Fittex

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu ghaqda Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-Ħajja Knejjes Insara Kristu Rxoxt l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Nixħtu kull inkwiet tagħna fi ħdan il-Missier
  • il-Poplu tal-Għid
  • “Merhba Chiara” – Malta accoglie Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme