Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2010

Posted on 01/11/2010 By admin

Niżżel il-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla” (Mt 5, 8)1

Ġesù ta bidu għall-predikazzjoni tiegħu bid-diskors tal-muntanja. Quddiem l-għadira ta’ Tiberijade, fuq għolja qrib Kafarnahum, bilqiegħda, kif kienu mdorrija jagħmlu l-għalliema, Ġesù ħabbar lill-folol min hu l-bniedem hieni. Fit-Testment il-Qadim ħafna drabi niltaqgħu mal-kelma “hieni”, li hija tifħir għal min, b’xi mod jew ieħor, kien jgħix il-Kelma tal-Mulej.

Dawn il-beatitudnijiet ta’ Ġesù kienu jixbhu lil dawk li d-dixxipli kienu diġà jafu bihom. Imma huma bdew jisimgħu għall-ewwel darba li min hu safi f’qalbu ma kienx biss jixraqlu jitla’ l-għolja tal-Mulej2, imma seta’ saħansitra jara lil Alla. Mela x’safa kienet dik li kien jixirqilha rigal bħal dak? Ġesù ħafna drabi fisser dan tul il-predikazzjoni tiegħu. Mela, ejjew infittxu nimxu ftit warajh biex insiru nafu xinhi din is-safa.

“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla”.

Qabelxejn, skont kliem Ġesù, hemm mezz mill-aqwa biex wieħed jissaffa: “Intom diġà ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”3. Għalhekk aħna nissaffew mhux tant biċ-ċerimonji ritwali, imma bil-Kelma t’Alla. Il-Kelma ta’ Ġesù mhijiex bħal kliem il-bnedmin. Fiha jinsab Ġesù preżenti, kif inhu preżenti b’mod ieħor fl-Ewkaristija. Bil-ħila tal-Kelma Kristu jidħol fina, u sakemm aħna nħalluha taħdem, hija tagħmilna bnedmin ħielsa mid-dnub u għalhekk safja f’qalbna.

Għalhekk is-safa hi frott tal-għixien tal-Kelma, ta’ kull kelma ta’ Ġesù li teħlisna minn dawk l-affarijiet li jorbtuna magħhom u li aħna naqgħu fihom jekk qalbna ma tkunx f’Alla u f’dak li Hu jgħallem. Dawn jistgħu jkollhom x’jaqsmu ma’ affarijiet, ma’ nies u magħna nfusna. Imma jekk qalbna tkun ħsiebha biss f’Alla, l-affarijiet l-oħra kollha jaqgħu.

Biex jirnexxilna nagħmlu dan, tajjeb li matul il-jum intennu lil Ġesù, lil Alla, il-kliem mis-Salm li jgħid hekk: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi!4. Ejjew intennuh ta’ spiss dan il-kliem, l-aktar meta l-irbit li nħossu jkun irid ikaxkar ‘il qlubna lejn dawk l-istampi, sentimenti u ġibdiet li jistgħu jċajprulna d-dehra ta’ xinhu t-tajjeb u jeħdulna l-libertà tagħna.

Inħossuna miġbuda lejn ċerti riklami, naraw ċerti programmi fuq it-televixin? Le, ngħidulu: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi”. Dan ikun l-ewwel pass biex noħorġu ‘l barra minna nfusna u ntennu mħabbitna lejn Alla. B’hekk inkunu ksibna l-virtù tas-safa.

Xi drabi nindunaw li xi persuna jew xi attività qed ikunu ta’ tfixkil, jidħlu bejna u bejn Alla u jħammġu r-rabta tagħna miegħU? Dak il-ħin għandna ngħidulu: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi!” Dan jgħinna biex insaffu l-intenzjonijiet tagħna u mill-ġdid niksbu l-ħelsien ġewwa fina.

“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla”.

Meta ngħixu l-Kelma aħna nsiru ħielsa u safja, għax il-Kelma hija mħabba. Hi l-imħabba li, bin-nar divin tagħha, issaffina u ssaffi l-intenzjonijiet tagħna u dak kollu li jinsab fina, għax, kif tgħid il-Bibbja, “il-qalb” hija l-post tal-għerf u tar-rieda tagħna.

Imma hemm imħabba li Ġesù jordnalna u li biha nkunu nistgħu ngħixu din il-beatitudni. Din hija l-imħabba tagħna għal xulxin, imħabba ta’ min hu lest li jagħti ħajtu għal ħaddieħor, kif għamel Ġesù. Din l-imħabba toħloq ‘atmosfera’ li fiha, l-aktar ħaġa li tolqtok hija t-trasparenza, is-safa, minħabba l-preżenza t’Alla. Hu biss jista’ joħloq fina qalb safja5. Meta bejnietna jkun hemm din l-imħabba għal xulxin, il-Kelma taħdem bl-effetti tagħha: hi ssaffina u tqaddisna.

Il-bniedem waħdu m’għandux il-ħila jeħodha fit-tul kontra t-tiġrib tad-dinja. Iżda fl-imħabba ta’ bejnietna jsib ambjent b’saħħtu, ambjent li kapaċi jħarislu s-safa u l-ħajja nisranija vera.

“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla”.

U dan huwa frott is-safa, li aħna niksbu mill-ġdid kull darba: inkunu nistgħu “naraw” lil Alla, jiġifieri nifhmu dak li hu jagħmel magħna fil-ħajja tagħna u fl-istorja, nisimgħu leħnu jidwi f’qalbna, nindunaw bil-preżenza tiegħu li nsibuha fil-foqra, fl-Ewkaristija, fil-Kelma, fost nies li jinħabbu bejniethom, fil-Knisja.

B’dan aħna nkunu nistgħu ngawdu l-preżenza t’Alla minn issa, sa minn din id-dinja, “billi ngħixu bil-fidi u bla ma naraw”6, sa ma narawh wiċċ imb’wiċċ7 għal dejjem.

Chiara Lubich

 

Referenzi:

1 Parola di vita, Novembru 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, 1999/20, p. 7.

2 Ara S. 24, 4.

3 Ġw 15, 3.

4 Ara S. 16, 12.

5 Ara S. 50, 12.

6 2 Kor 5, 7.

7 1 Kor 13, 12.

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Hajja ta’ Settembru 2010
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2010

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme