Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2016

Posted on 01/03/201630/07/2025 By admin

“Waslitilkom is-Saltna ta’ Alla” (Lq 11, 20).

Din hi s-saltna li kienu qed jistennew il-Lhud ta’ żmien ta’ Ġesù. U hu beda jħabbarha waqt li terraq fl-irħula u l-ibliet: “Is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (ara Lq 10, 9). U mbagħad: “Waslitilkom is-Saltna ta’ Alla”; “Is-Saltna ta’ Alla f’nofskom qiegħda!” (Lq 17, 21). Alla nnifsu, permezz ta’ Ġesù, ġie fost il-poplu tiegħu u reġa’ ħa f’idejh l-istorja b’saħħa liema bħalha, biex iwassalha għall-qofol tagħha. Il-mirakli ta’ Ġesù kienu sinjal ta’ dan.

Fis-silta tal-Vanġelu li minnha ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, Hu kien għadu kif fejjaq ’il wieħed mutu li ħelsu mix-xitan li kien qed ijassru. Din hi prova li Hu ġie biex jirbaħ il-ħażen, kull ħażen u biex fl-aħħar mill-aħħar iwaqqaf is-saltna ta’ Alla.

Il-kliem “saltna ta’ Alla”, fil-Lhudi kien ifisser Alla li jaġixxi favur Israel,  jeħilsu minn kull forma ta’ jasar u ħażen, imexxih lejn il-ġustizzja u l-paċi, jimlieh b’kull ferħ u ġid. Ġesù jurina lil Alla bħala “missier” mimli ħniena, mimli mħabba u mogħdrija, li jaf x’inhuma l-ħtiġiet u t-tbatijiet ta’ wliedu.

Aħna wkoll għandna bżonn nisimgħu l-aħbar ta’ Ġesù: “Waslitilkom is-Saltna ta’ Alla”.

Meta nħarsu madwarna ħafna drabi jidhrilna li l-ħażen qed imexxi d-dinja,  li n-nies vjolenti u korrotti tgħaddi dejjem tagħhom. Xi drabi nħossuna maħkumin minn forzi kuntrarji, minn ġrajjiet li jhedduna; inħossuna dgħajfa quddiem il-gwerer u t-traġedji ambjentali, l-istraġi u t-tibdil fil-klima, l-emigrazzjoni u l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji.

Hawn tidħol l-aħbar ta’ Ġesù. Hu jistedinna nemmnu li, sa minn issa stess, Hu qed jirbaħ fuq il-ħażen u qed iwaqqaf dinja ġdida.

F’Marzu ta’ 25 sena ilu, Chiara Lubich kellmet lil eluf ta’ żgħażagħ. Hi fdatilhom f’idejhom il-ħolma tagħha: “Nagħmlu minn din id-dinja, dinja aħjar, familja waħda, bħallikieku lkoll ġejjin minn pajjiż wieħed, dinja waħda magħquda”. Dak iż-żmien, kif ukoll għal żmienna,  dan jidher bħallikieku ħolma. Imma biex din il-ħolma tibda sseħħ, hi stednithom iħobbu ’l xulxin, ċerti li: “Jekk intom tagħmlu hekk, ikollkom fostkom lil Kristu stess, lil dak li jista’ kollox. U tkunu tistgħu tittamaw kollox fih”.

Iva, Hu s-Saltna ta’ Alla.

X’għandna nagħmlu? Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex Hu jkun dejjem fostna. Imbagħad, kompliet tgħid Chiara, “ikun Hu stess li jaħdem magħkom f’pajjiżkom, għax b’ċertu mod Hu jerġa’ lura fid-dinja, kulfejn tkunu intom, għax tkun imħabbitkom lejn xulxin, l-għaqda ta’ bejnietkom, li ġġib il-preżenza tiegħu fostkom. Hu jdawwalkom fuq dak li tridu tagħmlu, imexxikom, iwiżinkom, ikun il-qawwa tagħkom, il-ħeġġa tagħkom, il-ferħ tagħkom. Bil-ħila tiegħu d-dinja ta’ madwarkom tikkonverti u ssir waħda magħquda, u kull firda tissewwa. (…) Mela ħa jkun hemm l-imħabba bejnietkom u mħabba miżrugħa f’kull rokna tad-dinja, bejn bniedem u ieħor, bejn grupp u ieħor, bejn il-ġnus, imħabba b’kull mezz, sabiex isseħħ invażjoni ta’ mħabba. Hekk, bil-ħila tagħkom, titwieled ċiviltà ta’ mħabba li lkoll kemm aħna qed nistennew. Intom imsejħin għal dan. U għad taraw affarijiet kbar iseħħu”[1].

Fabio Ciardi

[1] IV festival internazzjonali taż-“Żgħażagħ għal dinja magħquda” (Genfest), Ruma (Palaeur), 31 ta’ Marzu 1990, CN,34, [1990], 7, pp.34-39.

 

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:Saltna ta’ Alla

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2016
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2016

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme