Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ April 2016

Posted on 01/04/201630/07/2025 By admin

“Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”  (Mt 25,40). 

Għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù hu hekk għażiż u sikwit jintgħażel bħala Kelma tal-ħajja? Forsi għax hu l-qalba tal-Vanġelu. Hu l-kliem li l-Mulej se jgħidilna meta fl-aħħar għad nidhru quddiemu. Fuq dan il-kliem se jsirilna l-aktar eżami importanti ta’ ħajjitna u għalih nistgħu nħejju ruħna jum wara l-ieħor.

F’dan l-eżami se jistaqsina jekk tajniex ikel u xorb lil min kien bil-ġuħ u bil-għatx, jekk ilqajniex lill-barrani, jekk libbisniex lil min kien għeri, jekk morniex inżuru lil min kien marid u l-ħabs… Dawn huma azzjonijiet żgħar, madankollu jiswew l-eternità. Xejn ma hu ċkejken minn dak li nkunu għamilna b’imħabba, minn dak li nkunu għamilna Lilu.

Tant hu hekk li Ġesù mhux biss kien qrib il-foqra u l-imwarrbin, mhux biss fejjaq il-morda u farraġ lill-batut, imma ħabbhom b’imħabba kbira, sa ma sejħilhom ħutu, sa ma sar ħaġa waħda magħhom b’solidarjeta misterjuża.

Illum ukoll Ġesù jkompli jkun preżenti f’min ibati inġustizzji u vjolenza, f’min qed ifittex ix-xogħol jew jinsab f’qagħda prekarja, f’min ikollu jħalli pajjiżu minħabba l-gwerer. Kemm nies madwarna qed ibatu minħabba kawżi oħra u, bla ma jitkellmu, qed jitolbuna ngħinuhom. Dawn huma Ġesù li qed jitlobna mħabba konkreta, li għandha l-ħila tivvinta “opri tal-ħniena” ġodda,  li jwieġbu għal bżonnijiet tallum.

Ma nistgħu nħallu ’l ħadd barra. Jekk Ġesù jinsab preżenti f’min hu anzjan u marid, kif nistgħu ma nagħtuhx il-faraġ meħtieġ? Jekk jiena ngħallem lingwa lil tfajjel immigrant, inkun qed ngħallimha lil Ġesù. Jekk ngħin lil ommi fit-tindif tad-dar, inkun qed ngħin ’il Ġesù. Jekk inwassal it-tama lil min hu fil-ħabs, jew infarraġ lil min hu inkwetat jew naħfer lil min weġġagħni, inkun qed nibni rabta ma’ Ġesù. U kull darba  mhux biss inferraħ lil ħaddieħor, imma jiena stess inħoss ferħ kbir. Meta nagħtu, naqilgħu, inħossuna mill-aktar ferħanin għax, anki bla ma nafu, inkunu ltqajna ma’ Ġesù: kif kitbet Chiara Lubich, il-proxxmu tiegħi hu bħal bieb li minnu ngħaddi biex nasal għand Alla.

L-effett ta’ din il-Kelma tal-ħajja baqa’ jidwi matul l-esperjenza  kollha tagħha: “Spiċċa l-mod ta’ kif konna nħarsu lejn il-proxxmu u kif konna nħobbuh. La Kristu jinsab f’kulħadd, ma stajniex niddiskriminaw, ma setax ikollna aktar preferenzi. Warrabna kull mod kif konna nqisu l-bnedmin: jekk hux barrani jew minn pajjiżi, jekk hux xiħ jew żagħżugħ, sabiħ jew ikrah, antipatku jew simpatku, sinjur jew fqir. Kristu jinsab f’kulħadd. U kull wieħed minn ħuti hu “Kristu ieħor” (…).

“Meta bdejna ngħixu hekk indunajna li l-proxxmu kien għalina t-triq li minnha ngħaddu biex naslu għand Alla. Anzi, ħuti l-bnedmin bdejt narahom bħal bieb li minnu kien meħtieġ ngħaddi biex niltaqa’ ma’ Alla.

“Dan kollu ndunajt bih sa mill-bidu nett. Kemm konna nħossuna magħquda ma’ Alla fit-talb tagħna qabel ma norqdu, wara li nkunu ħabbejnieh il-ġurnata kollha f’ħutna l-bnedmin! Min kien jagħtina dak il-faraġ, dik ir-rabta intima ma’ Alla, jekk mhux Kristu fina li kien jgħix il-kliem tal-Vanġelu “agħtu u jingħatalkom”[1]? Konna nħobbuh il-ġurnata kollha f’ħutna u issa kien Hu li kien qed iħobb lilna”[2].

Fabio Ciardi  

[1] Lq 6,38.

[2] Scritti spirituali/4, Città Nuova, Ruma 19952, p. 204-205.

 

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:Alla Mħabba, mħabba lejn il-proxxmu

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2016
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2016

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme