Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2016

Posted on 01/06/201630/07/2025 By admin

“Għixu fis-sliem bejnietkom” (ara Mk 9, 50).

Kemm tinżel tajjeb din l-istedina ta’ Ġesù għall-paċi, qalb il-ġlied li f’ħafna naħat tad-dinja qed iweġġa’ l-bnedmin. Din l-istedina żżomm it-tama ħajja, għax aħna nafu li s-sliem huwa Ġesù u hu wegħidna li jagħtina l-paċi tiegħu.

Dan il-kliem insibuh f’San Mark fi tmiem diskors li Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu, miġbura ġo dar f’Kafarnahum. F’dan id-diskors huwa fisser kif il-komunità tiegħu kellha tgħix. Il-konklużjoni hija ċara: kollox għandu jwassal għall-paċi, li fiha jinġabar kull ġid.

Aħna msejħin biex ngħixu l-paċi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, ma’ dawk li jaħsbuha differenti minna fil-politika. Din hi paċi li ma tibżax minn opinjonijiet li ma jaqblux bejniethom, jekk  irridu għaqda dejjem aktar vera u profonda, u fl-istess ħin titlobna noqogħdu attenti biex ir-rabta ta’ mħabba ma tonqos qatt, għax il-bnedmin jiswew aktar mill-opinjonijiet differenti li jista’ jkun hemm bejniethom.

Chiara Lubich kienet tgħid: “Kull fejn tasal l-għaqda u l-imħabba bejn il-bnedmin, tasal il-paċi, anzi, il-paċi vera. Għax fejn il-bnedmin jinħabbu bejniethom, hemmhekk hemm il-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna, li huwa l-paċi, il-paċi per eċċellenza”.

L-idejal tagħha tal-għaqda twieled fit-Tieni Gwerra dinjija u mill-ewwel deher bħala l-mediċina għall-mibegħda u l-firda. Minn dak iż-żmien ʼil hawn, quddiem kull konflitt ġdid, Chiara baqgħet tipproponi b’ħeġġa l-loġika tal-imħabba li nsibu fil-Vanġelu. Per eżempju, meta fl-1990 faqqgħet il-gwerra fl-Iraq, hi esprimiet is-sorpriża morra tagħha meta bdiet tisma’ “kliem li konna naħsbu li ndifen, bħal “l-għadu”, “l-għedewwa”, “beda l-ġlied”, u mbagħad bdejna nisimgħu aħbarijiet dwar gwerra, priġunieri, telf (…).

B’dieqa ndunajna li l-prinċipju ewlieni tar-reliġjon Nisranija, il-“kmand” per eċċellenza ta’ Ġesù, dak “ġdid” kien qed jiġi ferut. (…) Minflok ma jinħabbu bejniethom, minflok ma jkunu lesti li jagħtu ħajjithom għal xulxin”, il-bnedmin kienu jinsabu mill-ġdid “fl-abbiss tal-mibegħda”: disprezz, torturi, qtil. U staqsejna: Kif nagħmlu biex noħorġu minn dan kollu? “Jeħtieġ li, kull fejn nistgħu, ninsġu rabtiet ġodda, jew insaħħu dawk li diġa jeżistu, bejnietna l-insara u ma’ dawk ta’ reliġjonijiet li jaduraw Alla wieħed: il-Musulmani u l-Lhud”, jiġifieri bejn dawk li dak iż-żmien kienu qed jiġġieldu kontra xulxin.

L-istess ħaġa tgħodd għal kull tip ta’ nuqqas ta’ ftehim: irridu ninsġu rabtiet ta’ smiegħ, għajnuna lil xulxin, bejn nies u ġnus, rabtiet ta’ mħabba, kienet tgħid Chiara, sa ma “nkunu lesti li nagħtu ħajjitna għal xulxin”. Jeħtieġ inwarrbu r-raġunijiet tagħna biex nifhmu dawk tal-oħrajn, għalkemm nafu li mhux dejjem se naslu biex nifhmuhom b’mod sħiħ. Aktarx li l-ieħor ukoll jagħmel l-istess ħaġa miegħi u, forsi, huwa wkoll, xi drabi ma jifhimx lili u r-raġunijiet tiegħi. Madankollu aħna rridu nibqgħu miftuħin għall-oħrajn, u anki jekk aħna differenti minn xulxin u ma nifhmux lil xulxin, imma rridu nsalvaw ir-rabta ta’ bejnietna.

Il-Vanġelu jikkmandana biex “Ngħixu fis-sliem”, kmand li jitlob minna impenn serju.  Din hi waħda mill-aktar espressjonijiet essenzjali tal-imħabba u tal-ħniena li aħna msejħin  biex ikollna lejn xulxin.

Fabio Ciardi

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:Il-paċi

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2016
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2016

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme