Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2018

Posted on 01/07/201829/07/2025 By admin

“BIŻŻEJJED GĦALIK IL-GRAZZJA TIEGĦI; GĦAX IL-QAWWA TIEGĦI TIDHER FL-AQWA TAGĦHA FEJN HEMM ID-DGĦAJJEF” (2 KOR 12, 9).

Fit-tieni ittra tiegħu lill-komunità ta’ Korintu, l-appostlu Pawlu wieġeb ‘il dawk li riedu jkunu jafu b’liema dritt kien qiegħed jaħdem bħala appostlu. Ma ddefendiex ruħu u ma qagħadx isemmilhom dak li rnexxielu jagħmel, imma wriehom dak li Alla ħadem fih u permezz tiegħu.

Pawlu semmielhom esperjenza mistika ta’ rabta profonda ma’ Alla1, u eżatt wara qasam magħhom it-tbatija li kien għaddej minnha minħabba “xewka” li kienet tweġġgħu ħafna. Ma qalx eżattament x’kienet din ix-xewka, imma jagħtik x’tifhem li kienet waħda ta’ diffikultà kbira, li setgħet tillimitah fix-xogħol tiegħu huwa u jxandar il-Vanġelu. Għalhekk, stqarr li kien talab ‘il Alla biex jeħilsu minn dan ix-xkiel, iżda Alla tah tweġiba li tista’ tħawwadna:

“BIŻŻEJJED GĦALIK IL-GRAZZJA TIEGĦI; GĦAX IL-QAWWA TIEGĦI TIDHER FL-AQWA TAGĦHA FEJN HEMM ID-DGĦAJJEF”.

Aħna l-ħin kollu nagħmlu esperjenza tad-dgħufija fina u fl-oħrajn, dgħufija fil-ġisem, fil-moħħ u anki fir-ruħ. Madwarna naraw nies li sikwit ikunu għaddejjin minn tbatija u biża’ ta’ kull xorta. Quddiem dawn id-diffikultajiet inħossuna dgħajfa u bla ħila, u naslu l-aktar biex nagħmlu li nistgħu ħalli ma nweġġgħu ‘l ħadd. Iżda din l-esperjenza ta’ Pawlu tiftħilna triq ġdida: meta nammettu u naċċettaw id-dgħufija tagħna, inkunu nistgħu nintelqu għal kollox fi ħdan il-Missier, li jħobbna kif aħna u li jrid jieqaf magħna fil-mixja ta’ ħajjitna. Aktar ‘il quddiem f’din l-ittra, Pawlu reġa’ stqarr: “Meta nkun dgħajjef, inkun qawwi”2.

Dwar dan, Chiara Lubich kitbet hekk: “[…] Ir-raġunament tagħna jirribella kontra sentenza bħal din, għaliex fiha naraw xi ħaġa bla sens jew sempliċement kontradittorja. Filwaqt li din tesprimi waħda mill-veritajiet l-aktar għolja tal-fidi nisranija. Ġesù jfissirha b’ħajtu u aktar u aktar b’mewtu. Meta wettaq il-ħidma li l-Missier fdalu f’idejh? Meta feda l-bnedmin kollha? Meta rebaħ fuq id-dnub?

Meta miet fuq is-salib, meta, wara li sar xejn għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni”. Ġesù wera s-saħħa tiegħu meta kien bla saħħa. Ġesù seta’ jagħti bidu għall-poplu ġdid ta’ Alla bil-predikazzjoni tiegħu biss, jew b’xi miraklu jew b’xi azzjoni straordinarja. Iżda Hu m’għamilx hekk. Le, għax il-Knisja hija opra t’Alla u l-opri t’Alla jinbtu u jxettlu biss fuq it-tbatija. Għalhekk fid-dgħufija tagħna, fin-nuqqas ta’ ħila tagħna, tinħeba okkażjoni unika: dik li twassalna biex inħossu l-qawwa ta’ Kristu li miet u rxoxta għalina […]”3.

“BIŻŻEJJED GĦALIK IL-GRAZZJA TIEGĦI; GĦAX IL-QAWWA TIEGĦI TIDHER FL-AQWA TAGĦHA FEJN HEMM ID-DGĦAJJEF”.

Dan hu l-paradoss li nsibu fil-Vanġelu: li jwiegħed lil dawk ta’ qalbhom ħelwa li għad jirtu l-art4; u fejn Marija, fil-Magnificat5, tfaħħar il-qawwa tal-Mulej, li żgur turi ruħha bi sħiħ fl-istorja persunali tagħna u fl-istorja tal-bnedmin, propju fejn hemm iċ-ċokon tal-bniedem u l-fiduċja sħiħa tiegħu f’dak li jagħmel Alla.

F’kumment dwar din l-esperjenza li San Pawl għadda minnha, Chiara tissuġġerixxi: “[…] l-għażla tagħna l-insara trid tkun għal kollox bil-kontra ta’ dak li s-soltu tagħżel id-dinja. Irridu neħduha tassew kontra l-kurrent. Ħafna drabi d-dinja tagħżel is-suċċess, is-setgħa, l-istima… Minflok, San Pawl jgħid li jeħtieġ insibu l-glorja tagħna fid-dgħufija tagħna […] Ejjew nintelqu għal kollox f’idejn Alla. Hu jaħdem fuq id-dgħufija tagħna, fuq ix-xejn tagħna. U meta jkun Hu li jaġixxi, nistgħu nibqgħu żguri li Hu jwettaq ħwejjeġ ta’ siwi u ta’ ġid li jibqa’ u li jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ kull wieħed u tagħna lkoll flimkien”.6

Letizia Magri

1: Cfr. 2 Kor 11, 1-7a

2: Cfr. 2 Kor 12, 10

3: Ara C. Lubich, La forza del dolore, Città Nuova, 44, [2000], 12, p.7.

4: Ara Mt 5,5

5: Ara Lq 1, 46-55

6: Ara C. Lubich, Dio opera sulla nostra debolezza, Città Nuova, 26, [1982], 11/12, p.59.

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:San Pawl

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2018
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2018

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme