Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2020

Posted on 31/10/2020 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5, 4).

Min qatt ma beka f’ħajtu? U min qatt ma ra nies jibku u jofolqu għax għaddejjin mit-tbatija? Imbagħad, il-mezzi ta’ komunikazzjoni tallum, idaħħlu ġo djarna dak kollu li jiġri fid-dinja kollha, bil-periklu li nistgħu nidrawhom, u nwebbsu qalbna quddiem ix-xmara ta’ tbatija, qisu xejn mhu xejn.

Ġesù wkoll beka[1] u kien qrib il-biki tal-poplu tiegħu, li kien taħt ħakma barranija. Ħafna morda, foqra, romol, orfni, nies imwarrba minn kulħadd u midinba kienu jersqu lejH biex jisimgħu l-Kelma tiegħu, li kienet tfejjaqhom fil-ġisem u r-ruħ.

Fil-Vanġelu ta’ Mattew, Ġesù hu l-Messija li jwettaq il-wegħdiet li Alla għamel lil Iżrael u għalhekk hu jgħidilna:

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.”

Ġesù mhuwiex wieħed li ma jimpurtahx mit-tbatijiet tagħna. Hu jfejqilna qalbna mill-għebusija tal-egoiżmu, jimla l-vojt tagħna u jqawwina f’kulma ngħaddu minnu.

F’kumment ta’ Chiara Lubich fuq din il-Kelma tal-Vanġelu, insibu miktub hekk: “[…] B’dan il-kliem Ġesù ma jridx jgħid lil min hu mdejjaq biex jirrassenja ruħu u  jwiegħdu ħlas fil-futur. Hu jaħseb ukoll fil-preżent. Filfatt, is-Saltna Tiegħu diġa tinsab fostna. Din is-Saltna hi preżenti f’Ġesù li, meta rxoxta minn mewta mill-aktar kiefra, rebaħ fuq il-mewt. Ġesù jinsab preżenti anki fina l-insara: Alla jinsab fina. It-Trinità tgħammar ġewwa qalbna. Għalhekk, il-beatitudni li qed iħabbar Ġesù, tista’ sseħħ issa stess. […] It-tbatijiet jistgħu jibqgħu għal ħafna żmien, imma hemm ħeġġa ġdida li tgħinna nġorru t-tiġrib tal-ħajja. B’din il-ħeġġa ngħinu lil ħaddieħor jirbaħ it-tbatijiet tiegħu, biex iħares lejhom kif għamel Ġesù: Hu ħaddan it-tbatija bħala mezz ta’ fidwa”[2].

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.”

Ġesù jgħallimna nkunu xhieda u għodda għal xulxin tal-imħabba kollha għożża u krejattiva tal-Missier. B’hekk titwieled dinja ġdida, li tfejqilna għal kollox ħajjitna u tiġbed lejha l-preżenza t’Alla fost il-bnedmin. Hu għajn ta’ faraġ li ma jintemm qatt li bih jixxotta kull demgħa tagħna.

B’dan il-mod Lena u Philippe, koppja mil-Libanu, qasmu l-esperjenza tagħhom mal-ħbieb tal-komunità nisranija: “Għeżież, din is-sena nixtiequ nroddulkom ħajr tal-awguri tagħkom għal Għid speċjali. Aħna ninsabu tajbin u qed noqogħdu attenti biex ma  nesponux ruħna għall-virus. Madankollu, billi ninsabu fuq quddiem nett fil-ħidma tagħna mal-“Parrainage Liban”[3], ma nistgħux nibqgħu dejjem id-dar u qed noħorġu kull jumejn, biex ngħinu lil xi familji fil-bżonn u nagħtuhom flus, ilbies, ikel, mediċini, eċċ…

Sa minn qabel bdiet il-pandemija tal-Covid-19, is-sitwazzjoni ekonomika tal-Pajjiż kienet waħda diffiċli ħafna u, kif qed jiġri mad-dinja kollha, kompliet tmur għall-għar. Imma l-Providenza ma tonqos qatt: xi ġimgħa ilu wieħed emigrant Libaniż bagħtilna l-għajnuna tiegħu. Talab lil Lena biex tiżgura platt sħun għal tlett ijiem fil-ġimgħa, lil tnax-il familja għax-xahar kollu t’April. Din hi konferma oħra tal-imħabba t’Alla, li ma tonqos qatt”.

Letizia Magri

[1] Ara Ġw 11, 35; Lq 19, 41.

[2] C. Lubich Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru  1981, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma, 2017) pġ. 221-222.

[3] Lena tgħid hekk: “Il-Parrainage Liban hi ħidma li bdiet fl-1993 minn grupp ta’ familji li kienu jgħixu l-Kelma tal-ħajja. Aħna bdejna ngħinu lil waħda omm ta’ ħamest itfal żgħar u li r-raġel tagħha jinsab il-ħabs. S’issa għenna madwar 200 familja, mil-Libanu kollu u tar-reliġjonijiet kollha. Dawk li jgħinuna huma impenjati b’ħafna modi biex jgħinu l-familji ħa jkunu awtonomi: imorru jżuruhom id-dar, ifittxu djar fejn joqogħdu u postijiet tax-xogħol, jgħinuhom fl-istudju, eċċ. Hemm madwar mitt ruħ kif ukoll xi ditti li jgħinuna finanzjarjament għax jemmnu fil-ħidma tagħna”.

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2020
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2020

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme