Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2023

Posted on 30/04/2023 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin” (Rm 12, 10).

Dan ix-xahar il-Kelma tal-ħajja hi silta mill-ittra kollha għerf ta’ San Pawl lir-Rumani. Fiha dan l-appostlu juri l-ħajja Nisranija bħala realtà kollha imħabba mogħtija b’xejn u bla tarf. Alla sawwab fi qlubna din l-imħabba u aħna, min-naħa tagħna, nagħtuha lill-oħrajn. Biex jiċċara kliemu, San Pawl inqeda b’żewġ ħsibijiet f’kelma waħda, “philostorgos”. Din il-kelma  tiġbor fiha żewġ karatteristiċi partikulari ta’ dik l-imħabba li biha jingħarfu l-komunitajiet Insara: l-imħabba ta’ bejn il-ħbieb u l-imħabba fil-familja.

“Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin”.

Ħa nieqfu ftit fuq l-aspett tal-imħabba bejn il-ħbieb u bejn il-bnedmin. Kif jikteb San Pawl, dawk li jagħmlu parti mill-komunità Nisranija, iħobbu ʹl xulxin għax huma membri ta’ ġisem wieħed (12, 5); huma aħwa li għandhom obbligu wieħed: li jinħabbu (13, 8), jiġifieri jifirħu ma’ min jifraħ u jibku ma’ min jibki (12, 15); ma jiġġudikawx u ma jiskandalizzawx lill- ħuthom il-bnedmin (14, 13).

Il-ħajja tagħna hi marbuta mill-qrib ma’ dik tal-oħrajn u l-komunità tagħti xhieda ħajja tal-liġi tal-imħabba li Ġesù ġab fid-dinja. Din l-imħabba titlob ħafna minna, saħansitra tasal biex dak li jkun jagħti ħajtu għal ħutu. Hi mħabba konkreta u tixtieq il-ġid u l-ferħ lill-oħrajn. Biha l-aħwa jitwettqu bi sħiħ, ikunu minn ta’ quddiem biex japprezzaw il-kwalitajiet ta’ ħuthom. Din hi mħabba li tagħti kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn: tagħmel ħilitha kollha biex ħadd ma jaqa’ lura. Hi tagħmilna nies responsabbli u attivi fil-ħajja soċjali, kulturali u politika.

“Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin”.

“Jekk inħarsu lejn il-komunitajiet tal-ewwel seklu naraw kif din l-imħabba Nisranija  kienet tasal għand kulħadd, ikun min ikun, u kienet tissejjaħ: ‘filadelfia’ li tfisser imħabba ta’ bejn l-aħwa. Fil-kitba profana ta’ dawk iż-żminijiet, din il-kelma kienet tintuża biex tfisser l-imħabba tal-aħwa fil-familja. Qatt ma kienet tintuża fost il-membri tal-istess soċjetà. Dan b’eċċezzjoni waħda: fit-Testment il-Ġdid”1. Ħafna huma ż-żgħażagħ li jixtiequ jkollhom “rabta aktar profonda, aktar vera. U l-imħabba ta’ bejn l-Insara tal-ewwel żminijiet kellha l-kwalitajiet kollha tal-imħabba ta’ bejn l-aħwa, per eżempju il-qawwa u l-għożża fost l-aħwa”2.

“Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin”.

Kwalità partikulari ta’ dawk li kienu jagħmlu parti minn dawn il-komunitajiet li jinħabbu bejniethom kienet li huma ma jingħalqux fihom infushom, imma jkunu dejjem lesti jittrattaw l-isfidi li jinqalgħu bejniethom fil-kuntest li fih ikunu qed jaħdmu.

J.K., Serb ta’ nazzjonalità Ungeriża, u missier ta’ tliet ulied, fl-aħħar seta’ jixtri dar, imma minħabba inċident li kellu spiċċa bla flus u ma kellux is-saħħa biex jirranġaha waħdu. Għalhekk, il-komunità tal-Fokolari bdiet tara x’setgħet tagħmel, bil-proġett3 taż-Żgħażagħ għal Dinja Magħquda.

Kollu entużjażmu hu jirrakkonta kemm għamlu minn kollox biex jgħinuh konkretament: “Kienu ħafna dawk li ġew jagħtuni daqqa t’id. Fi tlett ijiem bdilna s-saqaf”. F’dawk ix-xogħlijiet għenu wkoll xi nies mir-Repubblika Ċeka. B’dan il-mod ħarġet fid-dieher il-komunità kollha kemm hi4.

Kitba ta’ Patrizia Mazzola
u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

  1. C. Lubich, Colloqui con i gen, Città Nuova, Ruma 1999, pġ. 58.
  2. Ibid.
  3. Il-proġett “Dare to Care”
  4. Meħud u addattat mill-artiklu:“Serbja: nibnu dar biex nagħtu l-kenn”,www.unitedworldproject.org
Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Meditazzjoni ta’ Chiara Lubich għall-Ġimgħa Mqaddsa
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2023

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme