Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2024

Posted on 30/06/2024 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni” (Sal 23[22],1).

Salm 23, li hu wieħed mis-salmi l-aktar magħrufa, hu għanja u fl-istess ħin stqarrija ta’ fidi mimlija fiduċja u ferħ. Din it-talba qed jagħmilha mill-poplu Lhudi, li kien irċieva mingħand il-profeti l-wegħda li l-Mulej kien se jkun ir-Ragħaj tiegħu. L-awtur ta’ dan is-Salm jesprimi l-hena li jħoss għax jaf li hu jinsab taħt il-ħarsien tat-Tempju 1. Fih hu jistkenn u jaqla’ l-grazzji. Bl-istess mod, bl-esperjenza tiegħu, irid jagħmel il-qalb lill-oħrajn biex jimtlew bil-fiduċja fil-preżenza tal-Mulej.

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”.

Ix-xbieha tar-ragħaj u tal-merħla hi għażiża ħafna fil-Kotba Mqaddsa. Biex nifhmuha sew, irridu mmorru bil-ħsieb fid-deżerti niexfa u mimlija blat tal-Lvant Nofsani. Ir-ragħaj imexxi l-merħla tiegħu bi ħlewwa liema bħalha, għax mingħajru żgur li tintilef u tmut. In-ngħaġ iridu jitgħallmu jafdaw fih billi jisimgħu leħnu. Fuq kollox, ir-ragħaj irid jibqa’ dejjem magħhom bla ma jħallihom qatt waħidhom.

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”.

Dan is-salm jistedinna nsaħħu r-rabta intima tagħna m’Alla billi nagħmlu l-esperjenza ta’ mħabbtu. Forsi jkun hemm min jistaqsi l-għala l-awtur ta’ dan is-salm jasal biex jgħid “xejn ma jonqosni?” L-esperjenza tagħna ta’ kuljum qatt ma tkun nieqsa minn sfidi u problemi ta’ saħħa, minn problemi ta’ qrabatna, minn diffikultajiet fix-xogħol, eċċ. U ma rridux ninsew it-tbatijiet kbar ħafna li jġarrbu ħafna minn ħutna minħabba gwerer, tibdiliet fil-klima, emigrazzjoni, vjolenza eċċ.

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”.

Forsi l-qofol ta’ dan is-salm jinsab fil-kliem “għax inti miegħi” (Sal 23, 4). Dan jiżgurana li Alla jħobbna, jimxi magħna u bil-ħila tiegħu ħajjitna tinbidel. Hekk kitbet Chiara Lubich: “Hi ħaga tajba li nkunu nafu li Alla jeżisti u jħenn għalina u li nistgħu nduru lejh għax ħallas għal dnubietna; imma hi ħaġ’oħra li ngħixu u nħossuna fiċ-ċentru tal-attenzjoni Tiegħu. B’hekk jgħib kull biża’ li jista’ jwaqqafna; ma nħossuniex aktar waħedna u ma nafux x’ser naqbdu nagħmlu […] Kull min jagħmel esperjenza profonda t’Alla, jaf li hu maħbub minnu u jemmen bil-qawwa kollha f’imħabbtu. Iċ-ċirkustanzi ta’ dwejjaq jew ta’ ferħ tal-ħajja jiddawlu mill-fatt li hu jkun iridhom jew jippermettihom” 2.

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”.

Din il-profezija sabiħa seħħet f’Ġesù, li fil-Vanġelu ta’ San Ġwann ma jibqax lura milli jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “ir-Ragħaj it-tajjeb”. Ir-rabta tagħna ma’ dan ir-ragħaj hi waħda personali u intima: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10, 14-15). Hu jmexxi n-ngħaġ fil-mergħat tal-Kelma tiegħu li hi ħajja, b’mod partikulari l-Kelma li fiha nsibu l-“Kmandament il-Ġdid” 3. Jekk ngħixu dan il-Kmandament, aħna jkollna l-ħila naraw il-preżenza tal-Irxoxt fil-komunità miġbura f’ismu u f’imħabbtu 4.

Kitba ta’ Augusto Parody Reyes
u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

1: Ara Sal 23, 6.
2: C. Lubich, L’essenziale di oggi, ScrSp/2, Città Nuova, Ruma 19972, pġ. 148
3: Ara Ġw 13, 34.
4: Ara Mt 18, 20.

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2024
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2024

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme