Qed inħoss ferħ kbir
Qed inħoss ferħ kbir f’qalbi, mhux għax skoprejt xi ħaġa (l-iskoperta tagħmilha b’moħħok), imma għax għamilt esperjenza (u din tagħmilha b’qalbek, u hi ħajja)
Rajt kemm hu veru – kif qal il-Papa – li l-Kelma t’Alla hi preżenza ta’ Kristu, hi l-Verb stess.
Fil-fatt, illum kien hemm żewġ okkażjonijiet meta ħsibt fuq il-Kelma tal-Ħajja għal dan ix-xahar: “Alla tat-tama jimliek b’kull hena u paċi”. (F’waħda minn dawn l-okkażjonijiet ħassejtni preokkupata u bdejt nibża’ li kont ser nibda naħseb għalija nnifsi, u l-oħra kienet tbatija minħabba fokolarina li hi marida). Fit-tnejn li huma, ħassejt il-Kelma timlieni bit-tama u tagħtini ħafna hena u paċi.
U għidt: mela din il-komunjoni ma’ Ġesu’ fil-Kelma tiegħu nista’ nagħmilha kull mument, u kull mument nista’ nsostni ruħi BIH u hekk Hu jikber fija permezz ta’ din il-komunjoni kontinwa miegħu.
U nerġa’ ngħid li din l-esperjenza (li hi aktar minn dik li s-soltu nsejħulha ‘esperjenza’) għamlitni tant ferħana: bħal qisni sibt mod kif meta nkun waħdi jkolli l-grazzji (simili għalkemm diversi) għal dawk li jkollna meta Ġesu’ jkun f’nofsna, meta tnejn jew aktar ikunu magħquda f’Ismu.
Mhux ser nerġa’ nkun naf ngħid dan il-jum x’ifisser għalija: rajt li l-Vanġelu mhuwiex ktieb ta’ faraġ fejn wieħed imur ifittex il-kenn fil-mumenti ta’ tbatija biex ikollu tweġiba (xi wħud li ma jemmnux hekk iħarsu lejn ir-reliġjon tagħna), imma rajt li hu l-kodiċi li fih hemm il-liġijiet tal-ħajja, ta’ kull mument tal-ħajja, liġijiet li mhux biss taqrhom u tosservhom, imma li l-ruħ “tiekolhom” u li jagħmluk Kristu f’kull mument ta’ ħajtek
Chiara Lubich, Djarju 1964-1980, p. 204, 7 ta’ Marzu 1967
Traduzzjoni: Vivienne Attard