Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2024

Posted on 31/08/2024 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom” (Ġak 1, 22)

L-awtur tal-Kelma tal-Ħajja magħżula għal dan ix-xahar jagħti importanza lis-smigħ u l-għixien tal-Kelma t’Alla. Tant hu veru li din l-Ittra tkompli hekk: “Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fil-għemil tiegħu” (Ġk 1, 25). Fil-fatt dak li jagħmilna nies ħielsa u ferħana hu meta nagħmlu l-almu tagħna biex nagħrfu Kliemu u ngħixuh.

Nistgħu ngħidu li dak li hemm fil-vers ta’ dan ix-xahar kien dak li ta bidu għall-Kelma tal-Ħajja, li mbagħad xterdet  mad-dinja kollha. Darba fil-ġimgħa, u aktar ‘il quddiem  darba fix-xahar, Chiara Lubich kienet tagħżel silta mill-Kotba Mqaddsa u tikkummentaha. Kienu jiltaqgħu flimkien, jaqsmu l-frott tal-għixien tal-Kelma billi jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom, u hekk bdiet tifforma ruħha komunità magħquda li ftit ftit bdiet tinbidel.

“Fis-sempliċità tagħha, din l-inizjattiva għenet ħafna biex niskopru l-Kelma ta’ Alla fid-dinja Nisranija tas-seklu għoxrin”1, għax ġabet magħha “mod” ġdid kif ngħixu l-Vanġelu u naqsmu flimkien l-effetti li tkun ħalliet fina.

“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom”.

Din l-Ittra ta’ San Ġakbu tgħidilna dak li Ġesù ħabbar biex aħna ngħixu r-realtà tas-Saltna tas-Sema fostna. Hu jagħraf bħala ommu u ħutu ʹl kull min jisma’ l-Kelma u jħarisha 2 ; iqabbilha ma’ żerriegħa li taqa’ fuq art tajba, jiġifieri f’dawk li jisimgħu b’qalb safja u bnina u jħarsuha, għax dawn jagħtu frott billi jibqgħu jżommu sħiħ 3.

Chiara Lubich kitbet hekk: “Kull Kelma ta’ Ġesù turi l-imħabba kollha tiegħu lejna. Jekk ngħixuha u nagħmluha tagħna, niskopru l-qawwa li tħalli fina u madwarna. Ejjew insiru midħla tal-Vanġelu, inħobbuh u nħalluh jibdilna biex inkunu nistgħu nwasslu l-ħajja tiegħu fina lill-oħrajn. […] Imbagħad nindunaw li sirna nies ħielsa minna nfusna, min-nuqqasijiet tagħna, minn dak li jgħassarna. Mhux biss, imma naraw bidla radikali ta’ mħabba fis-soċjetà li fiha ngħixu, kemm-il darba  nħallu ʹl  Ġesù jgħix fina”4.

“Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom”.

Issa kif se ngħixu din il-Kelma? Ejjew nagħtu ħarsa madwarna u nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu ta’ servizz għal kull min jinsab fil-bżonn, b’azzjonijiet żgħar jew kbar. Irridu nagħtu s-sehem tagħna fis-soċjetà biex  jinbidlu dawk l-istrutturi li mhumiex ġusti, neħduha kontra kull xorta ta’ vjolenza u naħdmu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, inkunu aktar sensittivi u naħdmu favur il-ħarsien tal-ambjent.

B’hekk naraw  isseħħ bidla awtentika fil-ħajja tagħna, f’dik tal-komunità li fiha ngħixu, u fuq il-postijiet tax-xogħol fejn naħdmu.

L-imħabba tissarraf f’azzjonijiet soċjali u politiċi li jfittxu jibnu dinja aħjar. Il-komunità tal-Fokolari ġo Làmud, belt fl-Amazzonja tal-Perù li tinsab 2,330 metru ʹl fuq mill-baħar, twaqqaf Ċentru biex jilqa’ fih l-anzjani, u li ssemma’ għal Chiara Lubich.

“Dan iċ-Ċentru ġie inawgurat meta l-pandemija tal-Covid kienet fl-aqwa tagħha, u jilqa’ fih 50 anzjan li qabel kienu jgħixu waħedhom. Il-binja, l-għamara, bżonnijiet oħra u anki xi  affarijiet tal-ikel ġew mogħtija b’xejn mill-komunità li hemm tgħix fil-qrib. F’Marzu tal-2022, f’għeluq l-ewwel sena mit-twaqqif tiegħu, iċ-Ċentru fetaħ il-bibien tiegħu u saret festa li fiha ħadu sehem anki l-awtoritajiet politiċi. Matul il-jumejn ta’ ċelebrazzjonijiet daħlu jaħdmu volontarji ġodda, kemm nies adulti kif ukoll tfal, biex jieħdu ħsieb tan-nanniet li jgħixu waħedhom, u b’hekk il-familja tagħhom kibret”5.

Kitba ta’ Patrizia Mazzola
u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

 

  1. C. Lubich, Parole di Vita, b’daħla ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 9.
  2. Ara Lq 11, 28.
  3. Ara Lq 8, 15.
  4. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru, 2006, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 790.
  5. Moviment tal-Fokolari, https://www.focolare.org/wpcontent/uploads/2024/01/BdC-2022-2.pdf, pġ.67
Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Qdusija ta’ poplu
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2024

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme