Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2020

Posted on 29/02/202029/07/2025 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom:
għax din hi l-Liġi u l-Profeti” (Mt 7, 12).

Kemm-il darba fittixna d-direzzjoni t-tajba, dik li turina t-triq li rridu ngħaddu minnha fl-għażliet importanti ta’ ħajjitna? U, ta’ nsara li aħna, qatt staqsejna lilna nfusna liema sentenza tiġbor fiha l-Vanġelu kollu, iċ-ċavetta li biha nidħlu fil-qalb t’Alla u ngħixu ta’ wliedu, sa minn din id-dinja stess? Bil-Kelma ta’ dan ix-xahar, Ġesù jwieġeb għal din il-mistoqsija bi kliem ċar, li jiftiehem mill-ewwel u li nistgħu ngħixuh. Insibuh fil-Vanġelu ta’ San Mattew u jagħmel parti mid-Diskors importanti tal-muntanja, fejn Ġesù jgħallimna kif għandna ngħixu sew bħala nsara. B’din l-istqarrija importanti, Hu stess jiġbor fil-qosor it-tagħlim kollu tiegħu. Illum, li tant neħtieġu messaġġi qosra u effikaċi imma li jfissru ħafna, nistgħu nilqgħu dan il-Kliem bħala messaġġ prezzjuż biex inżommuh dejjem f’moħħna.

“Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom: għax din hi l-Liġi u l-Profeti”.

Biex nifhmu aħjar x’għandna nagħmlu ma’ ħutna, Ġesù qed jistedinna nidħlu f’ħajjithom. Eżattament kif kien għamel Hu, li biex iħobbna sar bniedem bħalna. Tajjeb nistaqsu lilna nfusna x’nistennew aħna mill-ġenituri tagħna, minn uliedna, mill-kollegi tagħna, minn dawk li qegħdin fil-gvern, mill-mexxejja spiritwali tagħna: nistennew li jilqgħuna, jisimgħuna, jgħodduna magħhom, jgħinuna fil-bżonnijiet materjali tagħna; imma wkoll sinċerità, maħfra, kuraġġ, paċenzja, parir, tagħlim… Għal Ġesù, din l-imġiba twettaq b’mod konkret dak kollu li nsibu fil-Liġi t’Alla u fir-rikkezza tal-ħajja spiritwali. Din hi r-“Regola tad-deheb”, tagħlim li nsibuh fil-kulturi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet li l-bnedmin żviluppaw matul iż-żmien.1 Hi s-sisien tal-valuri kollha tassew umani, dawk li jibnu ħajja fejn il-bnedmin jgħixu flimkien fil-paċi, b’rabtiet personali u soċjali ġusti u solidali.

“Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom: għax din hi l-Liġi u l-Profeti”.

Din il-Kelma tħeġġiġna nkunu krejattivi u ġenerużi, nieħdu l-inizjattiva ħalli ngħinu ‘l-oħrajn, nibnu pontijiet anki ma’ min mhuwiex ħabib tagħna, kif qal u għamel Ġesù. Titlobna noħorġu barra minna nfusna, biex hekk inkunu xhieda kredibbli tal-fidi tagħna. Hekk tinkuraġġina nagħmlu Chiara Lubich: “Ejjew nippruvaw. Ġurnata mgħixa b’dan il-mod tiswa daqs ħajja sħiħa. […]. Jekk nagħmlu hekk, nimtlew b’ferħ li qatt ma ħassejna bħalu qabel. […]. Alla jkun magħna, għax Hu qrib dawk li kapaċi jħobbu. […]. Jista’ jkun li xi drabi nibdew immajnaw xi ftit, nibdew naqtgħu qalbna, inkunu rridu nieqfu. […]. Imma le! Kuraġġ! Alla jagħtina l-grazzja tiegħu. Jeħtieġ li dejjem nibdew mill-ġdid. Jekk inżommu sħiħ, ftit ftit naraw id-dinja ta’ madwarna tinbidel. Nifhmu li l-Vanġelu jsebbaħ il-ħajja, jixgħel id-dawl fid-dinja, jagħti togħma tajba ‘l dak kollu li nagħmlu, fih insibu l-għajn għas-soluzzjoni tal-problemi kollha tagħna. U ma noqogħdux bi kwietna qabel ma naqsmu l-esperjenza straordinarja tagħna mal-oħrajn: ħbiebna li jistgħu jifhmuna, ma’ qrabatna, ma’ kull min inħossuna mqanqlin li ngħiduha. Imbagħad fina titwieled mill-ġdid it-tama”. 2

“Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom: għax din hi l-Liġi u l-Profeti”.

Ramiro, li issa hu veteran fuq il-post tax-xogħol, sar jaf li kienu se jaslu kollegi ġodda. Staqsa lilu nnifsu: “Kieku jien kont se nidħol għall-ewwel darba f’dan l-uffiċċju, x’nixtieq insib? Xi tkun dik il-ħaġa li sserraħli moħħi?”. B’hekk beda jiżbarazza ftit, ifittex skrivaniji oħra u talab lil sħabu jgħinuh. Flimkien bdew iħejju ambjent li jilqgħek fuq il-post tax-xogħol, u l-ħaddiema ġodda sabu klima kollha ferħ u komunità ta’ ħaddiema aktar magħquda.

Letizia Magri

1. Eżempji: “Dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel lilek, tagħmlux int lil ħaddieħor. Din hi t-Torah kollha kemm hi. Il-bqija huwa biss kumment tagħha (Ebraiżmu); “L-ebda wieħed minnkom m’hu fidil jekk ma jixtieqx lil ħuh dak li jixtieq għalih innifsu” (Iżlam); “Tweġġax lil ħaddieħor b’dak li inti tqisu ħażin għalik”. (Buddiżmu). Cf. http://www.aecna.org/Amicizia_Ebraico_Cristiana_di_Napoli/Regola_doro.html.

2.  C. Lubich,  Kelma tal-Ħajja, April 1978, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pp. 104-105]

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2020
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2020

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme