Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2018

Posted on 01/03/201829/07/2025 By admin

“TRIQATEK, MULEJ, GĦARRAFNI, IL-MOGĦDIJIET TIEGĦEK GĦALLIMNI” (S. 25, 4).

Is-sultan u profeta David, l-awtur ta’ dan is-salm, kien għaddej minn żmien ta’ qtigħ il-qalb u faqar, u kien qed iħossu mhedded mill-għedewwa tiegħu. Xtaq isib it-triq biex joħroġ minn din is-Sitwazzjoni ta’ tbatija, iżda ħass li ma seta’ jagħmel xejn.

Għalhekk għolla għajnejh lejn Alla ta’ Iżrael, li minn dejjem ħares il-poplu tiegħu, u sejjaħlu bit-tama li jikseb mingħandu l-għajnuna li kellu bżonn.

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tisħaq fuq it-talba li David għamel lill-Mulej, biex jagħraf il-mogħdijiet li jdawlu l-għażliet tiegħu, l-aktar fil-mumenti diffiċli.

“TRIQATEK, MULEJ, GĦARRAFNI, IL-MOGĦDIJIET TIEGĦEK GĦALLIMNI”.

Jiġi żmien meta aħna wkoll ikollna nagħmlu għażliet diffiċli f’ħajjitna, għażliet li jisfidaw il-kuxjenza tagħna. Xi drabi t-toroq li minnhom ngħaddu jistgħu jkunu ħafna u ma nkunux ċerti liema hi l-aħjar waħda; drabi oħra naħsbu li ma teżisti l-ebda triq oħra…

Hija xi ħaġa umana ħafna tfittex triq biex timxi ‘l quddiem, u kultant ikollna nitolbu l-għajnuna lil xi ħadd ħabib tagħna. It-twemmin nisrani jdaħħalna fi ħbiberija ma’ Alla: Hu l-Missier tagħna li jafna sew u jħobb jimxi magħna fi triqatna.

Kuljum Hu jistieden ‘il kull wieħed minna biex bil-libertà kollha nidħlu f’avventura, u l-imħabba tagħna lejH u lejn l-ulied kollha Tiegħu tmexxina ‘l quddiem.

It-toroq, il-mogħdijiet huma wkoll okkażjonijiet li fihom niltaqgħu ma’ nies oħra li qed jagħmlu din il-mixja, li fihom niskopru destinazzjonijiet ġodda li naqsmu ma’ oħrajn. In-nisrani qatt ma’ hu persuna iżolata, imma jagħmel parti minn poplu li jinsab miexi lejn il-pjan li Alla għandu għal kulħadd, pjan li Ġesù wriehulna bi kliemu u b’ħajtu: li nkunu lkoll aħwa ta’ xulxin, li nibnu flimkien iċ-ċiviltà tal-imħabba.

“TRIQATEK, MULEJ, GĦARRAFNI, IL-MOGĦDIJIET TIEGĦEK GĦALLIMNI”.

It-triqat tal-Mulej jitolbu minna kuraġġ; xi drabi naħsbu li ma nistgħux ngħaddu minnhom, jidhru qishom pontijiet tal-ħbula mdendla fuq il-widien. Dawn it-toroq huma sfida għall-egoiżmu, il-preġudizzji u l-umiltà falza tagħna, u jiftħu quddiemna orizzonti ta’ djalogu, ta’ laqgħa ma’ oħrajn, ta’ impenn għall-ġid komuni. Fuq kollox jitolbu minna mħabba dejjem ġdida, mibnija fuq il-blata tal-imħabba u tal-fedeltà ta’ Alla lejna, li saħansitra tagħtina l-ħila naħfru. Din hi l-kundizzjoni li mingħajrha ma nistgħux nibnu rabtiet ta’ ġustizzja u paċi bejn nies u ġnus. Anki x-xhieda ta’ att ta’ mħabba sempliċi, imma awtentiku, jista’ jdawwal it-triq fi qlub l-oħrajn. Waqt laqgħa li saret in-Niġerja fejn żgħażagħ u adulti setgħu jaqsmu l-esperjenzi personali ta’ mħabba skont il-Vanġelu, Maya, tifla żgħira, qalet hekk: “Il-bieraħ, meta konna qed nilagħbu, kien hemm tifel li mbuttani u jien waqajt. Talabni ‘skuża’ u jien ħfirtlu”.

Dan il-kliem fetaħ qalb raġel li missieru nqatel mill-grupp terroristiku Boko Haram: “Ħarist lejn Maya. Jekk din, li għadha tifla żgħira, tista’ taħfer, ifisser li jien ukoll nista’ nagħmel bħalha”.

“TRIQATEK, MULEJ, GĦARRAFNI, IL-MOGĦDIJIET TIEGĦEK GĦALLIMNI”.

Jekk fil-mixja tagħna rridu nafdaw lilna nfusna f’idejn gwida tal-affari tagħha,  ejjew niftakru f’dak li Ġesù qal fuqu nnifsu: “Jiena t-Triq…” (Ġw 14, 6). Fl-1989, Chiara Lubich kienet qed tkellem lil xi żgħażagħ miġburin f’Santiago ta’ Compostela, għall-Jum Dinji taż-żgħażagħ, fejn hi nkuraġġiethom b’dan il-kliem:

“[…] Meta Ġesù fisser lilu nnifsu bħala “t-Triq”, hu ried jgħid li aħna rridu nimxu kif mexa hu […]. Nistgħu ngħidu li t-triq li mexa Ġesù għandha isem: imħabba […]. L-imħabba stess li hemm tbaqbaq f’Alla. […] Imma ‘l min irridu nħobbu? Żgur li rridu nħobbu l-ewwelnett lil Alla, u dan hu dmir tagħna. Imbagħad: inħobbu ‘l-proxxmu tagħna kollu. […] Minn x’ħin jisbaħ sa ma jidlam, kull rabta tagħna mal-oħrajn irridu ngħixuha b’din l-imħabba. Id-dar, l-università, fuq il-post tax-xogħol, fejn nilagħbu, waqt il-vaganzi, fil-knisja, fit-triq, irridu naħtfu kull okkażjoni biex inħobbu ‘l-proxxmu bħalna nfusna, billi fih naraw lil Ġesù, bla ma nħallu ‘l ħadd barra, anzi, irridu nibdew inħobbu aħna l-ewwel lil kulħadd. […]

Jekk jista’ jkun irridu nidħlu fil-qalb tal-oħrajn; nifhmu sew il-problemi u l-bżonnijiet tagħhom, l-inkwiet li jkunu għaddejjin minnu, u nħossu wkoll il-ferħ tagħhom, ħalli naqsmu kollox magħhom. Irridu b’xi mod insiru ħaġa waħda magħhom, bħalma għamel Ġesù li, għalkemm kien Alla, sar bniedem bħalna. Hekk, il-proxxmu jħossu mifhum u megħjun, għax ikun hemm min qed jerfa’miegħu l-piż tat-tbatija u qed jaqsam miegħu l-mumenti ta’ ferħ.

“Ngħixu lill-oħrajn: dan hu ideal kbir; din hi tassew xi ħaġa mill-aktar kbira […]”.

Letizia Magri

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2018
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2018

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme