Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2017

Posted on 01/06/201729/07/2025 By admin

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21).

Wara li Ġesù kien imsallab, id-dixxipli ngħalqu d-dar, imwerwrin u mifxulin. Huma kienu mxew warajh mat-toroq tal-Palestina, meta Hu kien iħabbar lil kulħadd li Alla hu Missier li jħobb ‘il kull persuna b’għożża kbira!

Il-Missier bagħat lil Ġesù mhux biss biex jagħti xhieda b’ħajtu ta’ din l-aħbar il-ġdida, imma wkoll biex jiftaħ it-triq ħalli l-bnedmin kollha jiltaqgħu ma’ Alla; ma’ Alla li hu Trinità, li fih innifsu hu komunità ta’ mħabba u li jrid jgħannaq miegħu lilna l-bnedmin, ħlejjaq tiegħu.

Matul il-missjoni tiegħu ħafna raw, semgħu u ħassew it-tjubija u l-effetti ta’ kulma għamel u ta’ kulma qal, biex hu jilqgħana, jaħfrilna u jagħtina t-tama… Imbagħad  ikkundannawh u sallbuh.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Vanġelu ta’ San Ġwann jirrakkonta kif Ġesù, li fit-tielet jum irxoxta, deher ‘il-appostli u bagħathom ikomplu l-missjoni tiegħu:

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.”

Bħal qisu kien qed jgħidilhom: “Tiftakru kif jiena qsamt ħajti magħkom? Kif qtajt il-ġuħ u l-għatx tagħkom għall-ġustizzja u l-paċi? Kif fejjaqt il-qlub u l-iġsma ta’ ħafna nies li s-soċjetà kienet warrbet u ma tatx aktar każ tagħhom? Kif qbiżt għall-foqra, għar-romol, għall-barranin? Issa komplu agħmlu hekk intom ukoll: ħabbru l-Vanġelu li rċevejtu, ħabbru li Alla jixtieq jiltaqa’ ma’ kulħadd u li intom ilkoll aħwa ta’ xulxin”.

Kull bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla Mħabba, diġà għandu f’qalbu x-xewqa li jiltaqa’ mal-oħrajn; il-kulturi u s-soċjetajiet kollha għandhom it-tendenza li jibnu rabtiet ta’ għixien flimkien. Imma kemm hi biċċa xogħol kbira din, kemm issib kuntradizzjonijiet, kemm diffikultajiet biex jintlaħaq dan l-għan! Din ix-xewqa profonda jkollha tħabbat wiċċha kuljum man-nuqqasijiet, mal-għeluq u l-biża’ tagħna, mal-ġudizzji u n-nuqqas ta’ fiduċja  f’xulxin.

Madankollu l-Mulej, b’fiduċja sħiħa, illum ikompli jagħmlilna din l-istess stedina:

“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.”

Kif se ngħixuha din l-istedina hekk kuraġġuża matul dan ix-xahar? Il-missjoni li tqanqal lill-bnedmin biex ikunu aħwa ta’ xulxin f’dinja fejn hawn tant firdiet mhijiex fiha nfisha battalja mitlufa?

Waħedna qatt m’hu se jirnexxilna. Għalhekk Ġesù tana don mill-aktar speċjali, tana l-Ispirtu s-Santu, li jqawwina biex nimpenjaw ruħna ħalli nħobbu ‘l kull bniedem, anki jekk dan ikun l-għadu tagħna.

 “L-Ispirtu s-Santu li jingħatalna fil-Magħmudija […], għax Hu spirtu ta’ mħabba u ta’ għaqda, jgħaqqad flimkien ‘il dawk kollha li jemmnu, jagħmilhom ħaġa waħda mal-Irxoxt u bejniethom u jwassalhom biex jegħlbu d-differenzi ta’ razza, kultura u klassi soċjali . […]. Il-firdiet jinbtu mill-egoiżmu tagħna u minħabba fih ninqatgħu mill-oħrajn u nħallu barra ‘l kull min hu differenti minna. […] Mela ejjew infittxu li nikbru f’din il-komunjoni billi nisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu […] u nneħħu minn ġo fina ż-żerriegħa tal-firda.” 1

Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, ejjew dan ix-xahar niftakru u ngħixu l-kliem tal-imħabba f’kull okkażjoni żgħira jew kbira fir-rabta tagħna mal-oħrajn: nilqgħuhom, nisimgħuhom, inħennu għalihom, inkellmuhom, nagħmlulhom il-qalb, ningħaqdu  magħhom, nieħdu ħsiebhom, naħfrulhom, nistmawhom… B’hekk ngħixu l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù biex inkomplu l-missjoni tiegħu u nkunu kanali ta’ dik il-ħajja li Hu tana.

Dan kollu ħassewh xi patrijiet Buddisti, meta marru jżuru l-belt żgħira ta’ Loppiano, fl-Italja, fejn it-tmien mitt ruħ li jgħixu fiha jagħmlu ħilithom kollha biex jgħixu l-Vanġelu. Huma ħassewhom tant milqutin mill-imħabba evanġelika, li għalihom kienet xi ħaġa ġdida għal kollox. Wieħed minnhom qal hekk: “Kont inpoġġi ż-żarbun maħmuġ barra l-bieb; filgħodu kien ikun nadif. Kont inpoġġi l-libsa tiegħi maħmuġa barra l-bieb; filgħodu kont insibha nadifa u mgħoddija. Kienu jafu li kont inħoss il-bard, għax jien ġej mill-Asja tal-Lvant; kont insib il-kamra aktar sħuna u iżjed kutri… Darba staqsejthom: ‘Għalfejn tagħmlu hekk?’ Weġbuni: ‘Għax inħobbuk, għax nixtiqulek il-ġid’” 2. Din l-esperjenza fetħet it-triq għal veru djalogu bejn Buddisti u Nsara.

Letizia Magri

1: Cf. C. Lubich, Kelma tal-ħajja/Jannar 1994 – Qalb waħda u ruħ waħda, f’Città  Nuova, XXXVII, [1993/24], pg. 34.

2: Cf. C. Lubich, L-esperjenza tiegħi fil-qasam tar-reliġjonijiet: punti tal-ispiritwalità miftuħa għar-reliġjonijiet, Aachen (Ġermanja), 13 ta’ Novembru 1998, pġ. 3.

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:Ġesù Rxoxt

Post navigation

Previous Post: Djalogu jew djalogi? Stil ta’ Ħajja
Next Post: Żjara ta’ Maria Voce f’Malta (Mejju 2017)

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme