Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2016

Posted on 01/08/201604/08/2025 By admin

“Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4,13).

Jiġi żmien meta nħossuna kuntenti, qawwija u kollox jidher faċli u ħafif. Jiġi żmien ieħor meta niltaqgħu ma’ diffikultajiet li jdallmu ħajjitna. Jistgħu jkunu fallimenti żgħar fl-imħabba għal nies qrib tagħna; nistgħu ma nħossuniex kapaċi naqsmu l-idejal ta’ ħajjitna mal-oħrajn. Jew inkella nimirdu, jew ngħaddu minn diffikultajiet ekonomiċi, jew fil-familja tagħna, ngħaddu minn dubji u nkwiet, nisfgħu bla xogħol jew tiġi fuqna xi gwerra. Dan kollu nħossuh jgħaffiġġna u ma nkunux nafu kif se noħorġu minnu. Imma l-aktar ħaġa diffiċli f’ċirkustanzi bħal dawn hi li nħossuna waħedna f’dawn il-provi tal-ħajja, nieqsa mill-għajnuna ta’ xi ħadd li kapaċi jagħtina daqqa t’id sew.

Ftit huma n-nies li bħall-appostlu San Pawl għexu b’intensità ferħ u tbatija. Madankollu hu għaraf jimxi ‘l quddiem b’kuraġġ fil-missjoni tiegħu, bla ma ċeda għall-qtigħ il-qalb. Tgħid kien xi eroj? Le, hu kien iħossu bla ħila, li mhux tajjeb għall-missjoni tiegħu, imma kellu  sigriet, li qasmu ma’ ħbiebu l-Filippin: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini”. San Pawl dejjem ħass il-preżenza ta’ Ġesù f’ħajtu. Anki meta kulħadd kien abbandunah, hu qatt ma ħassu waħdu: baqa’ jħoss lil Ġesù qrib tiegħu. Kien Ġesù li tah is-sigurtà, imbuttah biex jimxi ‘l quddiem u għenu jħabbat wiċċu ma’ kull ħaġa li kienet tmur ħażin. Ġesù kien daħal b’mod sħiħ f’ħajtu u b’hekk sar il-qawwa tiegħu.

Is-sigriet ta’ San Pawl jista’ jkun ukoll is-sigriet tagħna. Jiena nkun nista’ nagħmel kollox jekk fit-tbatija nagħraf u nilqa’ lil Ġesù, li jsir ħaġa waħda miegħi u jerfa’ fuqu t-tbatija tiegħi. Kollox nista’ nagħmel meta jiena ngħix f’għaqda ta’ mħabba mal-oħrajn, għaliex b’hekk Hu jiġi f’nofsna, kif wegħidna Hu stess (ara Mt 18, 20), u jiena nkun imwieżen bil-qawwa li tiġi mill-għaqda ta’ bejnietna. Kollox nista’ nagħmel meta nilqa’ u ngħix il-kliem tal-Vanġelu: kliem li bih nimxi fit-triq li jiena msejjaħ interraq fiha jum wara l-ieħor, kliem li jgħallimni kif għandi ngħix, u jagħtini fiduċja.

Ikolli l-qawwa nħabbat wiċċi mhux biss mal-provi persunali jew tal-familja tiegħi, imma anki ma’ dawk tad-dinja ta’ madwari. Dan, mhux għax jiena bla moħħ, jew għax ngħix fil-ħolm, imma għax “kollox” nista’ bil-preżenza ta’ Dak li jista’ kollox u li bl-imħabba kollha ħniena tiegħu, jaħseb għalija u għall-oħrajn permezz tiegħi. U jekk dan ma jseħħx minnufih, nistgħu nkomplu nemmnu u nittamaw fil-pjan ta’ mħabba ta’ Alla li jgħannaq fi ħdanu l-eternità u li żgur iseħħ.

Ikun biżżejjed li jiena naħdem “flimkien Miegħu”, kif għallmitna Chiara Lubich: “Jiena ma nista’ nagħmel xejn għal dik il-ħaġa, għal dik il-persuna li tinsab fil-periklu jew li hi marida, għal dik is-sitwazzjoni daqshekk imħabbla… Kollox sew, iżda nista’ nagħmel dak li Alla jrid minni issa: nistudja sew, niknes sew, nitlob sew, nieħu ħsieb uliedi sew… U mbagħad Alla jara Hu kif iħoll dik il-kobba, kif ifarraġ ‘il min qed ibati, kif isolvi dik il-problema. Dan hu xogħol li jsir bejn tnejn f’komunjoni perfetta, u jitlob minna fidi kbira fl-imħabba ta’ Alla lejn uliedu. B’hekk Alla nnifsu, bil-ħila ta’ dak li nkunu għamilna sew, ikollu fiduċja fina. Din il-fiduċja Tiegħu fina u tagħna fiH tagħmel il-mirakli.

Naraw li, fejn ma stajniex naslu aħna, ikun wasal Alla, li jkun għamel kollox ħafna aħjar milli kieku għamilnieh aħna”.

Fabio Cardi

Print
Kelma tal-Ħajja Tags:San Pawl

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2016
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2016

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme