Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2025

Posted on 01/08/202522/10/2025 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Għax fejn hemm it-teżori tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll” (Lq 12, 34).

Dan it-tagħlim ta’ Ġesù nsibuh fil-Vanġelu ta’ San Luqa, u qalu huwa u miexi lejn Ġerusalemm flimkien mad-dixxipli tiegħu. Hemmhekk kien hemm jistennieh l-Għid tiegħu, meta wara li ta ħajtu għalina, qam mill-imwiet. Ħin minnhom dar lejn id-dixxipli u sejħilhom “merħla ċkejkna”1, u qasam magħhom dak li Hu stess kellu f’qalbu. Fosthom insibu ċ-ċaħda għall-ġid ta’ din id-dinja, il-fiduċja fil-providenza tal-Missier u l-bżonn li ngħassu fuqna nfusna waqt li nistennew is-Saltna ta’ Alla.

Ftit tal-ħin qabel Ġesù beda jħeġġiġhom biex jiddistakkaw ruħhom minn kollox, saħansitra minn ħajjithom u ma joqogħdux jinkwetaw għall-affarijiet ta’ din id-dinja, għax il-Missier jaf x’jeħtieġu. Għalhekk stedinhom ifittxu s-Saltna t’Alla u ħeġġiġhom “ifittxu għalihom infushom boroż li jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema”2. B’dan Ġesù mhux qed jgħidilhom biex ma joqogħdux iħabblu rashom għall-affarijiet ta’ din id-dinja u ma jkunux nies responsabbli fix-xogħol tagħhom. Hu ried li jneħħilna l-inkwiet żejjed u l-biża’.

“Għax fejn hemm it-teżori tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

Hawnhekk il-kelma “qalb” tfisser iċ-ċentru li fih dak kollu li jagħti sens lil ħajjitna, fejn hemm is-sinċerità, fejn la nistgħu nqarrqu u lanqas naħbu s-sentimenti tagħna. Is-soltu din il-kelma turi l-intenzjonijiet veri tagħna, dak kollu li naħsbu, li nemmnu u li rridu. It-“teżor” hu dak li għalina jiswa l-aktar, jiġifieri dak kollu li jiġi l-ewwel f’ħajjitna, dak li naħsbu li jagħti aktar sigurtà lil ħajjitna.

“Il-Papa Franġisku qal li llum nistgħu nixtru kollox u nħallsu għalih, u jidher li s-sens tad-dinjità nfisha jiddependi minn dak li niksbu bil-flus. Irridu li nġemmgħu, nikkunsmaw u naljenaw ruħna, imjassrin f’sistema li ma tħalliniex inħarsu lil hinn mill-bżonnijiet tagħna ta’ issa”3. Imma, kull bniedem ifittex il-ferħ veru li ma jqarraqx, li l-ebda ġid materjali m’għandu l-ħila jikseb.

Chiara Lubich tgħid hekk: “Iva, hemm dak li inti qiegħed tfittex: ġo qalbek hemm għatx li la jintemm u lanqas imut; hemm tama li ma tmutx u li għal min jemmen dan hu dawl: mhux għalxejn qed tittama u temmen! (…) Inti tittama, inti temmen biex Tħobb”4.

“Għax fejn hemm it-teżori tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

Din il-Kelma tistedinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza: x’inhu t-teżor tiegħi, ir-realtà li tgħodd l-aktar għalija? It-tweġiba tista’ tkun il-ġid, il-fama, is-suċċess, il-poter …  L-esperjenza tgħidilna li l-ħin kollu rridu npoġġu lilna nfusna fil-ħajja vera, dik li ma tgħaddix, il-ħajja profonda li titlob minna ħafna mħabba tal-Vanġelu:

“Mhux biżżejjed għan-nisrani li jkun twajjeb, ħanin, umli, qalbu tajba, paċenzjuż… Hu jrid ikollu dik l-imħabba għal ħutu l-bnedmin, kif għallimna Ġesù. (…) Infatti, l-imħabba ma tfissirx li tkun lest li tagħti ħajtek. Tfisser tagħti ħajtek”5.

Kull bniedem li niltaqgħu miegħu matul il-ġurnata: fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, kullimkien, irridu nħobbuh b’dan il-kejl. U hekk ma ngħixux mehdija bina nfusna, imma naħsbu fl-oħrajn, ngħixu qrib tagħhom, u hekk insiru tassew bnedmin ħielsa.

Augusto Parody Reyes
u l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

1: Lq 12, 32.
2: Lq 12, 33.
3: Ara Papa Franġisku DILEXIT NOS nru. 218.
4: Ara C. Lubich Lettere dei primi tempi, Ġunju 1944, Città Nuova Editrice 2010, pġ. 49.
5: Ara C. Lubich Kollegament bit-telefon, Città Nuova Editrice 2019, pġ. 152.

Print
Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Qed inħoss ferħ kbir
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Arkivju

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-ħajja Knejjes Insara l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2025
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2025

Copyright © 2025 Moviment tal-Fokolari | Registered Voluntary Organisation: Fondazzjoni Dinja Magħquda–(Malta) VO/1624 |

Powered by PressBook Blog WordPress theme