Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2010

Posted on 01/05/201018/01/2026 By admin

“Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14, 21)1.

L-imħabba tinsab fiċ-ċentru tal-aħħar diskors ta’ Ġesù: l-imħabba tal-Missier lejn Ibnu, l-imħabba għal Ġesù li tfisser tħares il-kmandamenti tiegħu.

Dawk li kienu jisimgħu lil Ġesù malajr kienu jagħrfu fi kliemu eku tal-Kotba tal-Għerf: “l-imħabba hi l-ħarsien tal-liġijiet tiegħu”2, u ‘L-għerf malajr jagħrfuh dawk li jfittxuh’3. Fuq kollox min iħobb l-għerf isib fil-ktieb tat-Testment il-Qadim (Għerf 1,2), il-kliem li jgħid li l-Mulej għad juri ruħu lil dawk li jemmnu fih.

Issa, il-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar tfisser li min iħobb l-Iben hu maħbub mill-Missier, u hu maħbub mill-ġdid mill-Iben li juri lilu nnifsu lilu.

“Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

Iżda biex juri lilu nnifsu lilna Ġesù jitlobna nħobbu. Ma tistax tifhem kif xi ħadd jista’ jkun nisrani bla ma jkollu f’qalbu l-ħila u l-ħeġġa li jħobb. Jekk arloġġ ma tagħtihx il-ħabel ma jaħdimx, ma jurix il-ħin, u tista’ tgħid li lanqas biss hu arloġġ. L-istess in-nisrani li ma jkunx lest il-ħin kollu li jħobb, ma jixraqlux l-isem ta’ nisrani.

U dan għaliex il-kmandamenti kollha ta’ Ġesù jinġabru lkoll f’wieħed: li tħobb lil Alla u lill-proxxmu, li fih trid tara u tħobb lil Ġesù.

L-imħabba mhix biss sentimentaliżmu imma trid tgħixha bil-fatti f’ħajtek, billi taqdi lil ħutek l-aktar lil dawk li għandek maġenbek, billi tibda mill-affarijiet iż-żgħar, mill-affarijiet l-aktar umli.

Charles de Foucauld jgħid: “Meta tħobb lil xi ħadd, tkun tassew fih, tkun fih bl-imħabba, ma tibqax tgħix fik, tkun ‘iddistakkat’ minnek innifsek, tkun ‘il barra minnek innifsek”4.

B’riħet din l-imħabba jibda dieħel fina d-dawl tiegħu, id-dawl ta’ Ġesù, skont il-wegħda tiegħu: “Min iħobb lili… nurih lili nnifsi”5. L-imħabba hi għajn ta’ dawl: inti u tħobb tifhem aktar lill Alla li hu mħabba. Dan iwasslek biex tħobb dejjem aktar u hekk tikber ir-rabta tiegħek mal-proxxmu.

Għalhekk, dan id-dawl, dan l-għarfien mimli mħabba t’Alla huwa s-siġill, il-prova tal-imħabba vera. U din tista’ ġġarrabha b’ħafna modi, għax f’kull wieħed u waħda minna d-dawl jidher taħt forma ta’ kulur. Imma d-dawl għandu karatteristiċi komuni għal kulħadd: idawwalna biex nagħrfu r-rieda t’Alla, jagħtina l-paċi, is-sliem, u bih nifhmu dejjem aktar il-Kelma t’Alla. Dan hu dawl li jsaħħanna u jħeġġiġna nimxu fit-triq tal-ħajja b’mod aktar żgur u ħafif. Meta ħtija tad-dellijiet tal-ħajja ma nibqgħux naraw ċar il-mixja tagħna, meta saħansitra nħossuna ma nistgħux nimxu ħtija tad-dlam, din il-Kelma  tal-Vanġelu tfakkarna li d-dawl nixegħluh bl-imħabba u li biżżejjed att ta’ mħabba konkreta, żgħir kemm hu żgħir (talba, tbissima, kelma), biex ikollna dak ix-xaqq dawl li bih inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.

Meta tkun riekeb ir-rota bil-lejl, jekk inti tieqaf issib ruħek fid-dlam, imma jekk terġa’ tibda taqdef, id-dinamo jagħtik il-kurrent meħtieġ biex tara t-triq.

L-istess jiġrilna f’ħajjitna: biżżejjed terġa’ tħaddem l-imħabba, dik vera, dik l-imħabba li tagħti bla ma tistenna xejn lura, biex terġa’ tixgħel fina l-fidi u t-tama.

1     Kelma tal-Ħajja, Mejju 1999, ippubblikata fuq Città Nuova, no. 8, 1999, pg. 49.
2     Għerf 6, 18.
3     ara Għerf 6, 12.
4     Charles de Foucauld, Scritti Spirituali, VII, Città Nuova, Roma 1975, p.110.
5     ara Ġw 14,21.

Kelma tal-Ħajja Tags:il-Kelma t’Alla

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2010
Next Post: Kelma tal-Hajja ta’ Settembru 2010

Fittex

Free text search

Search by category and tag

Select by date range

  • Select Dates

Tags

Alla Missier Alla Mħabba Chiara Lubich Chiara t'Assisi djalogu tal-imħabba Djarju ekumenismu ghaqda Għaqda fost l-Insara il-Kelma t’Alla il-maħfra Il-paċi il-ħniena ir-Rużarju Mqaddes Kelma tal-Ħajja Knejjes Insara Kristu Rxoxt l-Ewkaristja ll-Ġimgħa Mqaddsa Marija mħabba lejn il-proxxmu Papa Frangisku Saltna ta’ Alla San Pawl spiritwalità kollettiva storja tal-Moviment Ġesù fostna Ġesù l-Imgħallem Ġesù Rxoxt Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara

Kategoriji

Żidiet riċenti

  • Nixħtu kull inkwiet tagħna fi ħdan il-Missier
  • il-Poplu tal-Għid
  • “Merhba Chiara” – Malta accoglie Chiara Lubich
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme