Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Awissu 2015

Posted on 01/08/201527/05/2026 By User

“Imxu fl-imħabba” (Ef 5, 2).

F’dan il-kliem insibu miġbura l-imġiba tagħna bħala nsara. L-imġiba tal-bniedem skont il-ħsieb t’Alla li ħalaqna għalih, jiġifieri li nġibu ruħna ta’ vera bnedmin, trid tkun waħda mmexxija mill-imħabba, li fiha hemm miġbura l-liġi kollha.

L-appostlu San Pawl għamel dan l-appell lill-insara ta’ Efesu, appell li jiġbor fih dak li kien għadu kif kitbilhom fuq l-imġiba tal-ħajja nisranija: ngħaddu mill-bniedem il-qadim għall-bniedem il-ġdid, inkunu sinċiera ma’ xulxin, ma nisirqux, naħfru lil xulxin, nagħmlu t-tajjeb… f’kelma waħda “nimxu fl-imħabba”.

Tajjeb naqraw is-sentenza li minnha ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja li rridu ngħixuha matul dan ix-xahar: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla”.

San Pawl hu konvint li l-imġiba ta’ Alla trid tkun mudell għalina. Jekk l-imħabba hi l-karatteristika ta’ Alla, l-istess trid tkun ukoll dik ta’ wliedu: huma jridu jimitawh f’din l-imħabba.

Imma kif nistgħu nagħrfu xinhi l-imħabba ta’ Alla? Għal San Pawl din hi ċara ħafna:  insibuha f’Ġesù, li juri kif u kemm iħobbna Alla. San Pawl ġarrab dan personalment “ħabbni u ta ruħu għalija” (Gal 2, 20), u issa qed juri dan ʾil kulħadd biex tkun esperjenza tal-komunità nisranija kollha.

“Imxu fl-imħabba” (Ef 5, 2).

Xinhu l-kejl tal-imħabba ta’ Ġesù, li fuqha rridu nkejlu mħabbitna?

Kif nafu, dan hu kejl bla qies, kejl li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Ġesù miet għal kulħadd, anki għall-għedewwa tiegħu u għal dawk li sallbuh, bħalma jagħmel Alla l-Missier, li f’imħabbtu għal kulħadd itella’ x-xemx u jibgħat ix-xita fuq kulħadd, tajbin u ħżiena, midinba jew le. Ġesù ħa ħsieb l-aktar ta’ min hu ċkejken u fqir, tal-morda u l-imwarrbin; ħabb fuq li ħabb ʾil ħbiebu; kien qrib tad-dixxipli tiegħu… Ma qagħadx lura minn imħabbtu, sa ma wasal biex ta ħajtu għalina.

Issa qed isejħilna lkoll biex naqsmu mħabbitna mal-oħrajn, biex inħobbu kif ħabb hu.

Din hija sejħa li tista’ tbeżżagħna, għax titlob ħafna minna. Kif nistgħu nimitaw ’l Alla, li dejjem iħobb ’il kulħadd, u jħobb hu l-ewwel? Kif nistgħu nħobbu bl-istess kejl li bih ħabb Ġesù? Kif nistgħu nkunu “fl-imħabba”, li  qed titlob minna din il-Kelma tal-ħajja?

Dan nistgħu nagħmluh biss jekk, ibda biex, aħna stess inkunu doqna  l-imħabba.  (…)

“Imxu fl-imħabba” (Ef 5, 2).

Hawnhekk il-kelma “imxu” tfisser ġibu ruħkom, qisna qed ngħidu li kull ma nagħmlu jrid ikun ispirat u mmexxi mill-imħabba. San Pawl qed jgħidilna li rridu nitgħallmu nħobbu, li hemm triq li rridu nimxu minnha biex ikollna qalb wiesa’ bħal dik ta’ Alla. Hu juża wkoll kliem ieħor biex jurina l-bżonn li nimxu dejjem ʼil quddiem, kif tarbija tikber sa ma ssir adulta (ara 1 Kor 3, 1-2), kif tikber xitla, kif jitla’ bini, kif isir f’ġirja meta ttellaq biex tieħu l-premju (ara 1 Kor 9, 24).

Qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna. Neħtieġu ż-żmien u li nibqgħu dejjem kostanti biex naslu fejn irridu naslu. Ma rridux inċedu quddiem id-diffikultajiet, ma rridux naqtgħu qalbna min-nuqqasijiet u l-iżbalji. Irridu nkunu dejjem lesti li nerġgħu nibdew, bla ma qatt naqtgħu qalbna.

Santu Wistin, huwa u jaħseb fl-iżbalji tiegħu, kiteb hekk: “Jekk trid tkun dak li għadek m’intix, ma jridx jogħġbok dak li int. Fil-fatt meta tħossok tajjeb f’xi ħaġa, tieqaf; u saħansitra tasal biex tgħid: “Biżżejjed daqshekk”, u allura tinżel ’l isfel. Żid il-ħin kollu, imxi dejjem ʾil quddiem: tiqafx fit-triq, tħarisx lura, toħroġx barra t-triq. Min ma jimxix ʾil quddiem jaqa’ lura ”.

“Imxu fl-imħabba” (Ef 5, 2).

Kif nistgħu nimxu fit-triq tal-imħabba b’aktar ħeffa?

Billi l-istedina qed issir lill-komunità kollha – “imxu” –, nagħmlu tajjeb jekk ngħinu ’l xulxin.  Fil-fatt hija ħaġa ta’ dwejjaq u diffiċli tivvjaġġa waħdek.

Nistgħu nibdew billi nsibu l-okkażjoni biex infakkru ʾl xulxin li rridu nimxu flimkien.

Nistgħu naqsmu bejnietna l-esperjenzi fuq kif ħabbejna, biex hekk nitgħallmu minn xulxin.

Nistgħu ngħidu ’l min jista’ jifhimna l-iżbalji li ħadna u kull meta ħriġna ’l barra mit-triq, biex hekk nikkoreġu ruħna.

Anki t-talb  flimkien jista’ jagħtina d-dawl u s-saħħa biex nimxu ʾl quddiem.

Magħqudin ħaġa waħda bejnietna u b’Ġesù f’nofsna – li hu t-Triq! – nimxu ’l quddiem fil-“vjaġġ qaddis” tal-ħajja. B’hekk niżirgħu mħabba madwarna u naslu fejn irridu naslu: fl-Imħabba.

 Fabio Ciardi

2015, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2015
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2015

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme