Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2014

Posted on 01/11/201427/05/2026 By User

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja” (S. 36, 10).

Din il-Kelma meħuda mill-Iskrittura tgħidilna xi ħaġa ta’ importanza kbira għal ħajjitna, tant li nistgħu nqisuha bħala mezz ta’ rikonċiljazzjoni u komunjoni.

L-ewwelnett hi tgħidilna li wieħed hu l-għajn tal-ħajja, Alla. MinnU, minn imħabbtu li biha Hu joħloq kollox, Hu welled l-univers li fih tinsab dar il-bniedem.

Huwa Alla li jagħtina l-ħajja bid-doni kollha tagħha. Il-kittieb ta’ dan is-salm, li jaf bil-ħajja iebsa u bin-nixfa tad-deżert u li jaf ukoll xi jfisser għajn ta’ ilma, bil-ħajja li tikber madwaru, ma setax isib tixbieha isbaħ biex jgħanni l-ħolqien li jitwieled bħal xmara li toħroġ minn ħdan Alla.

Għalhekk minn qalbu ħareġ innu kollu tifħir u ħajr. Dan hu l-ewwel pass li rridu nagħmlu, l-ewwel tagħlima li rridu nisiltu minn dan is-Salm: infaħħru u nagħtu ħajr lil Alla għal kull ma għamel, għas-sbuħija li hemm fil-ħolqien u għal dak il-bniedem ħaj li huwa l-glorja tiegħu u li hu wkoll il-ħlejqa waħdanija li taf tgħidlu:

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja.”

Imma ma kienx biżżejjed għall-imħabba tal-Missier li jlissen il-Kelma li biha nħoloq kollox. Ried li l-istess Kelma tiegħu titwieled u ssir bniedem bħalna. Alla, l-uniku Alla veru, sar bniedem f’Ġesù u wasslilna l-għajn tal-ħajja fuq din l-art.

L-għajn ta’ kull ġid, ta’ kull ħolqien u ta’ kull ferħ, ġie jgħammar fostna biex aħna nsibuh kemm jista’ jkun qrib tagħna. Ġesù jgħid: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10). Hu mela biH innifsu kull żmien u kull rokna ta’ ħajjitna. Hu ried jibqa’ għal dejjem magħna, biex aħna nagħrfuh u nħobbuh taħt kull ghamla mill-aktar differenti.

Xi drabi jagħtina li naħsbu hekk: “Mhux li kont ngħix fi żmien Ġesù!”. Għalhekk imħabbtu vvintat mod kif hu ma jibqax limitat għal rokna ċkejkna fil-Palestina, imma nistgħu nsibuh f’kull parti tad-dinja: Hu jinsab preżenti fl-Ewkaristija, skont kif kien wegħedna. U fiha aħna nistgħu mmantnu ruħna biex ħajjitna tgħix u tiġġedded.

“Għandek hemm il-għajn tal-ħajja.”

Ħutna l-bnedmin huma għalina għajn oħra li minnha nistgħu nixorbu l-ilma ħaj tal-preżenza ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minn ħutna li f’ħajjitna jgħaddu qrib tagħna, l-aktar dawk fosthom li jinsabu fil-bżonn, jekk aħna nħobbuhom, ma nistgħux inqisuhom bħala dawk li kisbu xi ħaġa minn għandna, imma bħala l-benefatturi tagħna għax Alla jasal għandna permezz tagħhom. Fil-fatt, jekk fihom aħna nħobbu ‘l Ġesù (Kont bil-ġuħ […], kont bil-għatx […], kont barrani […], kont il-ħabs […]), aħna nirċievu lura mħabbtu, ħajtu, għaliex huwa nnifsu jinsab preżenti f’ħutna l-bnedmin, u huwa l-għajn tal-ħajja.

Anki l-preżenza ta’ Alla ġewwa fina hi għajn ta’ ilma ħaj. Alla l-ħin kollu jkellimna, u jiddependi minna nagħtux widen jew le għal leħnu, jiġifieri għal-leħen tal-kuxjenza tagħna. Aktar ma nagħmlu ħilitna biex inħobbu ‘l Alla u ‘l-proxxmu tagħna, aktar leħnu jinstema’ qawwi fuq l-ilħna l-oħra kollha. Imma hemm mument partikulari, li hu aħjar minn kull mument ieħor, li fih nistgħu nixorbu aħjar mill-preżenza tiegħu ġewwa fina: u dan hu meta nitolbu u nippruvaw nintrabtu aktar mill-qrib miegħu, għax Hu jinsab fil-fond ta’ ruħna. Lilu nistgħu nxebbhuH ma’ għajn ta’ ilma li ġej mill-fond u li ma jinxef qatt, li dejjem insibuh lest biex nixorbu minnu u li kull ħin jaqtagħlna l-għatx.

Biżżejjed għalina li nagħlqu t-twieqi ta’ ruħna u ninġabru biex nixorbu minn din l-għajn, anki jekk inkunu fl-aktar deżert niexef. Sa ma mbagħad nilħqu dik l-għaqda miegħU li fiha nħossu li m’għadniex aktar waħedna, imma li magħna hemm xi ħadd ieħor: dak il-ħin huwa jkun fik u inti fiH. Għaliex bid-don tiegħu aħna nsiru ħaġa waħda miegħu bħall-ilma u l-għajn, bħal fjura u ż-żerriegħa tagħha.

Il-Kelma ta’ dan is-salm tfakkarna li Alla biss hu l-għajn tal-ħajja u, għalhekk, tal-komunjoni sħiħa, tal-paċi u l-ferħ. Aktar ma nixorbu minn din l-għajn, aktar ma nixorbu minn dak l-ilma ħaj li huwa l-Kelma tiegħu, aktar nersqu lejn xulxin u ngħixu bħal aħwa. Imbagħad jiġri dak li nsibu fl-aħħar tas-Salm: “Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl”, id-dawl li l-bnedmin qed jistennew.

Chiara Lubich

2014, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2014
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2014

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme