Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2010

Posted on 01/06/201027/05/2026 By User

“Min isib lil ħajtu, jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha” (Mt 10, 39)1.

Meta naqraw din il-Kelma ta’ Ġesù, jiġu quddiem għajnejna żewġ tipi ta’ ħajja: il-ħajja ta’ din l-art li tinbena f’din id-dinja, u dik sopranaturali li Alla jagħtina permezz ta’ Ġesù. Din il-ħajja ma tintemmx bil-mewt u ma jista’ jneħħiha ħadd.

Għalhekk, quddiem din il-ħajja tagħna, nistgħu nġibu ruħna b’żewġ modi: nistgħu nintrabtu mal-ħajja ta’ din l-art, u nqisuha bħala l-ġid waħdieni tagħna, u nibdew naħsbu biss fina nfusna, fl-affarijiet tagħna, fil-ħlejjaq ta’ din l-art; ningħalqu f’qoxritna u naħsbu biss għal rasna, u bħala tmiem ta’ ħajjitna, m’hemmx ħaġ’oħra x’tistenniena ħlief il-mewt. Jew inkella nemmnu li rċevejna mingħand Alla ħajja ħafna iktar profonda u awtentika, u jkollna l-ħila ngħixu b’mod li jkun jistħoqqilna dan id-don sa ma naslu biex nissagrifikaw ħajjitna f’din l-art ħalli niksbu l-ħajja l-oħra.

“Min isib lil ħajtu, jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha”.

Meta Ġesù qal dan il-kliem, f’moħħu kellu l-martirju. Aħna, bħal kull nisrani ieħor, jekk ikun meħtieġ, irridu nkunu lesti nitilfu ħajjitna u mmutu, biex nimxu wara l-Imgħallem u nibqgħu fidili għall-Vanġelu. U b’hekk, bil-grazzja t’Alla, tingħatalna l-ħajja vera. Ġesù kien l-ewwel wieħed li “tilef ħajtu” u din ingħatatlu lura kollha glorja. Hu kien wissiena biex ma nibżgħux “minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ”2.

Illum qed jgħidilna:

“Min isib lil ħajtu, jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha”.

Jekk taqra l-Vanġelu b’attenzjoni ssib li Ġesù jsemmi dan il-ħsieb sitt darbiet oħra. Dan jurina kemm hu importanti, u kemm hu għal qalb Ġesù.

Għal Ġesù, it-twissija biex nitilfu ħajjitna mhijiex biss stedina biex inkunu lesti anki l-martirju. Hi liġi fundamentali tal-ħajja nisranija.

Jeħtieġ inkunu lesti li niċċaħħdu milli nagħmlu lilna nfusna l-ideal tal-ħajja, li niċċaħħdu mill-indipendenza egoista tagħna. Jekk irridu nkunu nsara veri jeħtieġ inpoġġu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. U Kristu xi jrid minna? Iridna nħobbu lill-oħrajn. Jekk dan nagħmluh il-programm ta’ ħajjitna, bla dubju nkunu tlifna lilna nfusna biex insibu l-ħajja.

Meta inti ma tibqax tgħix għalik innifsek, bl-ebda mod ma jfisser li tkun qed tgħix ħajja passiva u ta’ ċaħda. L-impenn tan-nisrani hu dejjem kbir ħafna u s-sens ta’ responsabbiltà tiegħu hu sħiħ.

“Min isib lil ħajtu, jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha”.

F’din id-dinja stess nistgħu nagħmlu l-esperjenza li meta nagħtu ħajjitna għall-oħrajn billi nħobbu, fina tikber il-ħajja. Meta matul il-ġurnata nkunu qdejna lill-oħrajn, meta nkunu għarafna nibdlu x-xogħol ta’ kuljum, li forsi jkun monotonu u iebes, f’ġest ta’ mħabba, aħna nġarrbu l-ferħ għax inħossu li ħajjitna hi waħda mimlija.

“Min isib lil ħajtu, jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija, isibha”.

Jekk nimxu fuq il-kmandamenti ta’ Ġesù, li huma kollha mibnija fuq l-imħabba, wara din il-ħajja qasira nsibu l-ħajja eterna.

Niftakru x’għad ikun il-ġudizzju ta’ Ġesù fl-aħħar jum. Hu għad idur fuq dawk li jinsabu fin-naħa tal-lemin tiegħu u jgħidilhom: “Ejjew, imberkin minn Missieri… Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni…; kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni…”3.

Biex aħna nkunu nistgħu nieħdu sehem minn dik il-ħajja li ma tgħaddix, hu se jara biss jekk aħna nkunux ħabbejna lil ħutna l-bnedmin u se jqis magħmul lilu dak li aħna nkunu għamilna magħhom.

Mela kif se ngħixu din il-Kelma tal-ħajja? Kif se nitilfu ħajjitna llum stess biex insibuha?

Billi nħejju ruħna għal dan l-eżami kbir u deċiżiv li għalih twelidna.

Inħarsu madwarna u nimlew il-ġurnata tagħna b’atti ta’ mħabba. Kristu jippreżenta ruħu quddiemna f’uliedna, fil-mara tagħna, fir-raġel, fi sħabna tax-xogħol, tal-partit, u tad-divertiment tagħna, eċċ. Għandna nagħmlu l-ġid lil kulħadd. U ma ninsewx lil dawk li nsiru bafu bihom kuljum permezz tal-gazzetti jew permezz tal-ħbieb jew tat-televixin… Nagħmlu xi ħaġa lil kulħadd, skont ma nistgħu… U meta ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn iktar, nistgħu nitolbu għalihom. Din hija mħabba.

Chiara Lubich

1 Kelma tal-ħajja, Ġunju 1999, li dehret fuq Città Nuova, n.10/1999, p. 43.

2 Mt 10, 28.

3 Ara Mt 25, 34.

2010, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2010
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2010

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme