Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2009

Posted on 01/06/200927/05/2026 By User

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

Timmaġinaha fergħa maqtugħa mid-dielja? M’għandhiex futur, m’għandha l-ebda tama, ma tistax tagħmel frott u ma fadlilhiex ħaġ’oħra ħlief li tinxef u tinħaraq.

Aħseb ftit fil-mewt spiritwali li hemm tistennik bħala nisrani, jekk int ma tibqax magħqud ħaġa waħda ma’ Kristu. X’biża’! Bl-ebda mod ma tista’ tagħmel frott, anki jekk titħabat minn filgħodu sa filgħaxija, anki jekk taħseb li l-bnedmin għandhom bżonnok, anki jekk ħbiebek ifaħħruk, anki jekk il-ġid tiegħek ta’ din l-art jikber, anki jekk tagħmel sagrifiċċji kbar. Dan kollu jagħmel sens għalik fuq din l-art, imma ma jkun ifisser xejn għal Kristu u għall-eternità. U dik hi l-aktar ħajja importanti.

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

Int kif tista’ tibqa’ fi Kristu u Kristu jibqa’ fik? Kif tista’ tkun fergħa ħadranija u b’saħħitha, magħquda ħaġa waħda mad-dielja?

Qabel kull ħaġ’oħra jeħtieġ li temmen fi Kristu. Imma dan mhux biżżejjed. Il-fidi tiegħek trid tmexxi dak li inti tagħmel f’ħajtek. Jiġifieri trid tgħix skont dak li temmen billi tpoġġi fil-prattika l-kliem ta’ Ġesù.

Mela ma tistax ma tagħtix kas il-mezzi divini li ħallielek Kristu, li permezz tagħhom tikseb jew tikseb mill-ġdid dik l-għaqda li int tkun ksirt minn miegħu.

U ħaġ’oħra, Kristu ma jħossokx magħqud għal kollox miegħu jekk int ma tagħmilx ħiltek kollha biex tkun magħqud mal-komunità ekkleżjali tiegħek, mal-Knisja lokali tiegħek.

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

“Min jibqa’ fija u jiena fih”.

Tinnota li Kristu qed jitkellem fuq l-għaqda tiegħek miegħu, imma wkoll fuq l-għaqda tiegħu miegħek? Jekk inti magħqud ħaġa waħda miegħu, hu jkun fik, ikun preżenti fil-font ta’ qalbek. U minn hawn toħroġ rabta u diskursata ta’ mħabba bejnietkom, kollaborazzjoni bejn Ġesù u bejnek, li tinsab miexi warajh.

U r-riżultat ikun dan: li int tagħmel ħafna frott, eżattament bħalma fergħa magħquda sew mad-dielja tagħmel għenieqed b’togħma mill-aqwa.

“Ħafna frott” tfisser li int ikollok il-ħila meħtieġa biex tagħmel appostolat li jagħti l-frott; jiġifieri li tkun kapaċi tiftaħ għajnejn ħafna nies biex jaraw il-kliem uniku u rivoluzzjonarju ta’ Kristu u tkun tista’ tagħtihom il-forza biex huma jimxu warajh. “Ħafna frott” tfisser ukoll li tkun taf tqanqal kif ukoll tibni opri żgħar jew kbar biex tgħin lil ħaddieħor fil-bżonnijet tiegħu skont il-kariżmi li tak Alla.

“Ħafna frott” tfisser “ħafna” u mhux “ftit”. U dan jista’ jfisser li inti tagħraf twassal lill-bnedmin ta’ madwarek mewġa ta’ tjubija, ta’ komunjoni u ta’ mħabba lejn xulxin.

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

“Ħafna frott” ma tfissirx biss il-ġid spiritwali u materjali tal-oħrajn, imma tiegħek ukoll.

Anki li tikber fir-ruħ tiegħek u li titqaddes, jiddependi mill-għaqda tiegħek ma’ Kristu.

Titqaddes. Forsi fiż-żmenijiet tallum din il-kelma tista’ tidher li għadda żmienha, li issa hi bla ebda użu, jew li hi xi ħolma.

Mhux hekk. Dan iż-żmien jgħaddi u miegħu jgħaddu wkoll l-opinjonijiet ċkejkna, żbaljati, aċċidentali. Il-verità tibqa’. Elfejn sena ilu l-appostlu San Pawl kien jgħid bla tlaqliq li r-rieda t’Alla għall-insara kollha hi li jsiru qaddisin. Santa Tereża t’Avila, duttur tal-Knisja, hi ċerta li kulħadd, anki nies normali, jistgħu jaslu għal kontemplazzjoni mill-aktar għolja. Il-Kunċilju Vatikan II jgħid li l-poplu kollu t’Alla hu msejjaħ għall-qdusija.

Dawn l-ilħna ta’ min joqgħod fuqhom. Għalhekk ara li f’ħajtek tagħmel ukoll il-“ħafna frott” tal-qdusija li sseħħ biss jekk inti magħqud ma’ Kristu.

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5).

Jekk tosserva sew, Ġesù mhux qed jitlob il-frott minn għandna, imma hu jarah bħala riżultat li “nibqgħu” magħqudin miegħu.

Jista’ jiġri li inti wkoll tagħmel l-istess żball li jagħmlu ħafna nsara: attivitajiet, attivitajiet, xogħol, ħidma għall-ġid tal-oħrajn, bla ħin biex jaraw sew jekk humiex f’kollox u għal kollox magħqudin ma’ Kristu.

Dan hu żball: naħsbu li qed nagħmlu l-frott, imma ma jkunx dak il-frott li Kristu fik u Kristu miegħek jista’ jagħmel.

Biex tagħmel frott li jibqa’ għal dejjem, frott li jkollu t-timbru t’Alla, trid tibqa’ magħqud ma’ Kristu. Iktar ma tibqa’ magħqud ma’ Kristu iktar tagħmel frott.

Hemm ħaġ’oħra: il-kelma “tibqa’” li juża Ġesù, tagħti l-idea mhux l-aktar ta’ mumenti li fihom nagħmlu l-frott, imma li nibqgħu nagħmlu frott il-ħin kollu.

Infatti, jekk inti taf nies li jgħixu hekk, tara li, forsi bi tbissima sempliċi, b’xi kelma, bl-imġiba tagħhom ta’ kuljum, bil-mod kif iġibu ruħhom quddiem is-sitwazzjonijiet differenti tal-ħajja, huma jmissu l-qlub b’mod li xi drabi jwasslu lill-oħrajn biex jerġgħu jsibu lil Alla.

Hekk għamlu l-qaddisin. Imma aħna m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Anki l-insara komuni jistgħu jagħmlu l-frott. Kompli aqra:

Ninsabu l-Portugal. Wara li spiċċat l-iskola sekondarja, Maria do Socorro daħlet l-università. L-ambjent hu wieħed diffiċli. Ħafna minn sħabha jinsabu mpenjati ħafna, biex jimxu wara l-ideoloġija tagħhom u kulħadd irid ikaxkar għal warajh lil dawk l-istudenti li għadhom ma ddeċidewx it-triq politika tagħhom.

Maria taf sew liema hija t-triq tagħha, avolja mhix ħaġa faċli tispjegaha. Din hi li timxi wara Ġesù u tibqa’ magħquda miegħu. Skont sħabha, li ma jafu xejn fuq l-ideat tagħha, Maria hi waħda ta’ bla ebda kulur, waħda ta’ bla ideali. Xi drabi ħassitha tistħi xi ftit, speċjalment hija u dieħla l-knisja. Imma hi tibqa’ tmur għax tħoss li trid tibqa’ magħquda ma’ Ġesù.

Kien riesaq il-Milied. Maria ndunat li fost sħabha kien hemm min ma jistax imur id-dar, għax joqgħod ‘il bogħod ħafna. Hi pproponiet lil sħabha biex ilkoll flimkien jagħtu rigal lil dawk li ma kenux se jitilqu. Baqgħet skantata ħafna meta rat li kollha aċċettaw, u mill-ewwel.

Xi żmien wara saret l-elezzjoni u, oħroġ il-għaġeb, kienet hi li ntgħażlet biex tirrappreżenta l-kors tagħha. Imma l-istagħġib kien ikbar meta semgħet lil min jgħid: “Hi ħaġa loġika li ntgħażilt int; għax inti l-unika waħda fostna li għandha linja preċiża, li taf xi trid u kif għandek tagħmel biex twettqu”. Issa, xi wħud interessaw ruħhom fl-ideal tagħha u jridu jgħixu bħala.

Dan hu frott tajjeb tal-perseveranza ta’ Maria do Socorro li trid tibqa’ magħquda ma’ Ġesù.

Chiara Lubich

2009, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2009
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2009

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme