Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2009

Posted on 01/10/200927/05/2026 By User

“Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21, 19)

[…] “Nibqgħu sħaħ”. Kliem li jfisser ħafna: ifisser tieħu paċenzja, tibqa’ żżomm sħiħ u tirreżisti, tafda.

Li tibqa’ sħiħ sal-aħħar hi kwalità meħtieġa u mingħajrha ma nagħmlu xejn fil-mumenti ta’ tbatija, meta nkunu mġarrba, meta nkunu ser naqtgħu qalbna, meta d-dinja tiġbidna lejha, meta nkunu ppersegwitati.

Naħseb li xi darba inti wkoll sibt ruħek f’xi waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi u indunajt li, kieku ma żammejtx sħiħ, għandu mnejn kont taqa’. Forsi xi drabi waqajt. Jista’ jkun li bħalissa stess tinsab f’xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija.

Allura x’għandek tagħmel?

Erġa’ qum fuq saqajk, u… żomm sħiħ.

Inkella, ma jkunx jixraqlek l-isem ta’ “nisrani” .

Inti taf li min irid jimxi wara Kristu jrid jerfa’ salibu kuljum, iħobb it-tbatija, għallinqas bir-rieda tiegħu. In-nisrani hu msejjaħ biex iżomm sħiħ.

L-appostlu San Pawl juri lill-komunità l-fatt li hu żamm sħiħ bħala sinjal ta’ ħajja tassew nisranija.

U xejn ma jiddejjaq iqiegħed din il-kwalità fuq livell ta’ miraklu.

Jekk imbagħad inti tħobb is-salib u żżomm sħiħ, tkun tista’ timxi wara Kristu li jinsab fis-Sema u allura ssalva.

“Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

Aħna nistgħu niddistingwu bejn żewġ tipi ta’ nies: dawk li jħossu l-istedina biex ikunu nsara veri, imma din is-sejħa taqa’ f’ruħhom bħal żerriegħa fuq il-blat. Ħafna entużjażmu, bħal nar tat-tiben, u mbagħad ma jibqa’ xejn.

Filwaqt li dawk tat-tieni tip jilqgħu l-istedina, bħalma l-art tilqa’ fiha ż-żerriegħa. U l-ħajja nisranijia tagħhom tikber, tegħleb id-diffikultajiet u teħodha kontra t-tempesti.

Dawn in-nies iżommu sħiħ u għalhekk min jibqa’ sħiħ sal-aħħar isalva ħajtu.

Naturalment, jekk inti trid iżżomm sħiħ sal-aħħar, mhux biżżejjed isserraħ biss fuq il-forzi tiegħek.

Teħtieġ l-għajnuna t’Alla.

Lil Alla San Pawl isejjaħlu: “Alla li minnu ġej kull sabar u faraġ…”

Mela Lilu trid titlob il-grazzja biex tibqa’ żżomm sħiħ u Hu jagħtihielek.

Għax jekk inti nisrani mhux biżżejjed li tkun mgħammed jew li kultant tmur il-knisja u tagħti xi ftit karità. Trid tikber bħala nisrani. Issa, fil-ħajja tar-ruħ, biex tikber trid tgħaddi mill-provi, mit-tbatija, mit-tfixkil, mill-battalji tal-ħajja.

Issib ’il min jaf iżomm sħiħ tassew: dawn huma dawk in-nies li jħobbu. L-imħabba ma tarax tfixkil, ma tarax diffikultajiet, ma tarax sagrifiċċji. U meta żżomm sħiħ tkun qed tagħti prova tal-imħabba tiegħek.

[…] Marija hi l-mara li żammet sħiħ.

Lil Alla itolbu biex iqabbad ’il qalbek bl-imħabba lejH; u tkun ħaġa naturali għalik li żżomm sħiħ fid-diffikultajiet kollha tal-ħajja. U b’hekk issalva ruħek.

“Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

Mhux hekk biss. Meta inti żżomm sħiħ, l-oħrajn jittieħdu minnek. Min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, jagħmel kuraġġ lill-oħrajn biex huma wkoll ma jaqtgħux qalbhom li jibqgħu sħaħ sal-aħħar.

[…] M’għandniex nikkuntentaw ruħna bi ftit imma rridu nħarsu ’l fuq. Għandna ħajja waħda biss u din qasira. Ejjew nagħmlu kulma nistgħu jum wara l-ieħor, naffrontaw diffikultà waħda wara l-oħra biex nimxu wara Kristu… u b’hekk insalvaw ruħna.

Chiara Lubich

2009, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2009
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2009

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme