Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2013

Posted on 01/08/201305/10/2026 By admin

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom” (Lq 6, 32).

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar hi meħuda mill-Vanġelu ta’ San Luqa. Hi silta mill-kliem ta’ Ġesù, li fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibuh bħala d-diskors tal-muntanja. F’dan id-diskors Ġesù jgħid x’inhu meħtieġ għas-Saltna t’Alla u x’għandhom jagħmlu dawk li huma ta’ din is-Saltna. Dawn għandhom jimitaw lill-Missier tagħna tas-Sema.

B’dan il-kliem Ġesù qed isejjaħ lid-dixxipli tiegħu biex jimitaw ’l Alla l-Missier fl-imħabba. Jekk irridu nkunu wliedu, għandna nħobbu ’l-proxxmu tagħna bl-istess mod kif iħobb Hu.

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.”

L-ewwel kwalità li tagħżel l-imħabba tal-Missier minn imħabbiet oħra hi li tingħata bla ebda ħlas. Dan żgur mhuwiex il-mod ta’ kif tħobb id-dinja. Fid-dinja dak li jkun iħobb lill-oħrajn għax iħossu obbligat għal xi ħaġa li jkunu għamlu miegħu, jew għax iħoss simpatija lejhom (inħobbu ’l dawk li jħobbuna jew li għalina jidhru simpatiċi). L-imħabba tal-Missier mhijiex imħabba interessata; imħabbtu mhix marbuta ma’ kemm il-bnedmin kapaċi jħobbuh. Alla jħobbna mhux għax aħna nies tajba, mhux għax aħna qaddisin u għalhekk jixirqilna li Hu jagħti kasna u li jagħtina kulma neħtieġu. Bil-maqlub: hi mħabbtu li toħloq fina t-tjieba u s-sbuħija spiritwali tal-grazzja u tagħmilna ħbiebu u wliedu.

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.”

Kwalità oħra li nsibu fl-imħabba t’Alla l-Missier hi li hu jħobb ’il kulħadd. Alla jħobb ’il kulħadd, ikun min ikun. Il-kejl li bih iħobb hu bla qies. Wara kollox, imħabbtu tingħata b’xejn u hi kreattiva, propju għax il-ħin kollu tasal fejn hemm il-bżonn u tkun lesta li timla’ fejn tara li hemm il-vojt.

Din hi r-raġuni l-għala Alla l-Missier iħobb ukoll lil dawk uliedu li huma ingrati jew ’il bogħod minnu jew li jeħduha kontrieh. Anzi, hu jħossu miġbud b’mod partikulari lejn dawn in-nies.

“Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.”

Mela kif irridu ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar?

Għandna nġìbu ruħna ta’ veri wlied il-Missier tagħna tas-Sema, jiġifieri nimitaw il-mod kif iħobb Hu, l-aktar il-kwalitajiet li għadna kif semmejna: li nħobbu bla ma nistennew li jħobbuna u li nħobbu ’l kulħadd. Mela nfittxu li nħobbu aħna l-ewwel, b’imħabba ġeneruża, li tgħin u tkun miftuħa għal kulħadd, speċjalment fin-nuqqasijiet li nsibu madwarna. Nfittxu li nħobbu b’imħabba li ma tkunx marbuta mar-riżultat li tista’ tħalli. Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex inkunu għodda tal-ġenerożità t’Alla, u ngħinu ’l-oħrajn biex igawdu mid-doni naturali u mill-grazzji li aħna rċevejna mingħandu.

Jekk inħallu ’l din il-Kelma ta’ Ġesù tmexxina, naraw b’għajnejn ġodda u b’qalb ġdida ’il kull proxxmu li jgħaddi minn ħdejna u ’l kull okkażjoni li tingħatalna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U kulfejn nagħtu l-għajnuna tagħna (fil-familja, fl-iskola, fejn naħdmu, fl-isptar, eċċ.) inħossu li għandna nwasslu din l-imħabba li hi mħabba t’Alla, imħabba li ġab Ġesù f’din id-dinja u li hi biss tista’ tibdilha.

Chiara Lubich

2013, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta Lulju 2013
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2013

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)