Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2013

Posted on 01/12/201305/10/2026 By admin

“Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3,12).

Dan hu kliem li San Pawl kien imdorri juża biex jibgħat l-awguri lill-komunitajiet tiegħu u fl-istess ħin jitlob lill-Mulej grazzji speċjali għalihom (ara Ef 3,18; Fil 1,9 eċċ.).

Hawn hu qiegħed jitlob biex it-Tessalonikin jaqilgħu l-grazzja li jinħabbu bejniethom u biex din l-imħabba tibqa’ tikber. Dan il-kliem ma kitbux biex bħal speċi jwiddibhom, għax huma ma kinux jinħabbu bejniethom, imma għax ried ifakkarhom f’liġi li nsibuha fl-imħabba nnifisha: li din trid dejjem tikber.

“Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.”

Billi l-imħabba tinsab fil-qalba tal-ħajja nisranija, jekk din ma timxix ’il quddiem, il-ħajja kollha tan-nisrani tħoss dan l-effett, bir-riżultat li tibred sa ma tasal ukoll biex tintefa.

Mhux biżżejjed tifhem b’mod ċar il-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu u lanqas tibda tħoss entużjażmu kbir u ħeġġa meta tikkonverti għall-Vanġelu. Jeħtieġ tkabbar din l-imħabba u tibqa’ żżommha dejjem ħajja u attiva. Issa dan iseħħ jekk b’ġenerożità kbira nkunu dejjem lesti li naħtfu l-okkażjonijiet ta’ kuljum li toffrielna l-ħajja.

“Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.”

Skont San Pawl il-komunitajiet insara jrid ikollhom dik il-freskezza u għożża ta’ familja vera. Għalhekk nistgħu nifhmu l-intenzjoni tiegħu meta wissiehom biex joqogħdu attenti mill-perikli li kienu qed jhedduhom: l-individwaliżmu, is-superfiċjalità u l-medjokrità.

Imma San Pawl ried ukoll iħarishom minn periklu kbir ieħor, marbut ma’ dak ta’ qablu: li jintelqu u jgħixu ħajja ordnata u trankwilla, imma magħluqin fihom infushom. Hu ried komunitajiet miftuħa, għax l-imħabba titlob lil dawk tal-istess twemmin li jħobbu ’l sħabhom u fl-istess ħin jgħinu ’l kulħadd; riedhom joqogħdu attenti għall-problemi u l-ħtiġiet ta’ kulħadd. Biex tħobb sew trid tagħraf tilqa’ lil kull persuna, twaqqa’ kull firda, tagħraf it-tajjeb li hemm fl-oħrajn, kif ukoll tgħaqqad ix-xewqat tiegħek u l-ħeġġa biex tagħmel il-ġid ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba.

“Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.”

Kif se ngħixu l-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar? Aħna wkoll irridu nfittxu li nikbru fl-imħabba ta’ bejnietna fil-familji tagħna, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet jew għaqdiet tagħna, fil-parroċċi, eċċ.

Din il-Kelma titlob minna mħabba mill-aktar kbira, jiġifieri mħabba li tagħraf tmur lil hinn mill-kejl medjokru u mill-ħafna ostakli li jiġu mill-egoiżmu fin tagħna. Biżżejjed naħsbu f’ċerti aspetti tal-imħabba (nittolleraw, nagħdru, nilqgħu lil xulxin, nieħdu paċenzja, inkunu lesti naqdu, inħennu għan-nuqqasijiet veri jew li jidhrilna li huma veri li aħna naraw fil-proxxmu tagħna, ngħinu lill-oħrajn bil-ġid tagħna, eċċ.) biex niskopru ħafna okkażjonijiet li fihom nistgħu ngħixuha.

Hija ħaġa ċara li jekk imbagħad, fil-komunità tagħna, ikun hemm din il-klima ta’ mħabba bejnietna, żgur li hi jirnexxilha tinfirex fuq kulħadd. Anki dawk li għadhom ma skoprewx il-ħajja nisranija, iħossuhom miġbudin lejha u xejn ma trid li, bla ma jindunaw, jidħlu fiha sa ma jħossuhom huma stess parti minn din il-familja.

Chiara Lubich

2013, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2013
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2014

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)