Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2012

Posted on 01/05/201209/10/2026 By admin
“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad” (Lq 12, 49).

Fit-Testment il-Qadim in-nar huwa xbieha tal-Kelma t’Alla kif imħabbra mill-profeti. Imma anki l-ġustizzja t’Alla hi mxebbha man-nar, il-ġustizzja li biha Alla kien jgħaddi minn ġo nofs il-poplu tiegħu biex isaffih.

L-istess il-Kelma ta’ Ġesù. Din hi kelma li tibni, imma fl-istess waqt teqred dak kollu li hu fieragħ, dak li jrid jintemm, dak li hu frugħa. Biex tibqa’ biss il-verità.

Ġwanni l-Battista kien qal dan fuq Ġesù: “Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16). B’hekk ħabbar minn qabel il-magħmudija nisranija li bdiet isseħħ dakinhar li niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli u dehru ilsna tan-nar (ara Atti 2, 3).

Jiġifieri l-missjoni ta’ Ġesù hi li jwassal in-nar fuq l-art, li hu l-Ispirtu s-Santu li jġedded u jsaffi kollox.

“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad”.

Ġesù jagħtina l-Ispirtu. Imma kif jaħdem l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina? Jaħdem billi jpoġġi fina l-imħabba – dik l-imħabba li Hu jixtieq li aħna nżommuha dejjem tixgħel f’qalbna.

Din x’imħabba hi?

Mhijiex xi ħaġa ta’ din id-dinja, limitata. Hi l-imħabba kif insibuha fil-Vanġelu. Hi li tħobb lil kulħadd, l-istess waħda li biha jħobbna l-Missier li hu fis-Sema, li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq kulħadd, fuq it-tajbin u l-ħżiena, saħansitra fuq l-għedewwa (ara Mt 5, 45).

Din hi mħabba li ma tistenna xejn mingħand ħadd, imma tħobb hi l-ewwel.

Hi mħabba li ssir ħaġa waħda ma’ kulħadd: tbati, tifraħ, tinkwieta u tittama ma’ kulħadd. U, jekk ikun hemm bżonn, dan tagħmlu bil-fatti. Għalhekk din mhijiex xi mħabba sentimentali, bil-kliem biss.

Din l-imħabba tħobb ’il Kristu li jinsab f’kull wieħed u waħda minn ħutna l-bnedmin; b’hekk niftakru fi kliem Ġesù: “Kull ma għamiltu… għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).

Din l-imħabba trid li ħaddieħor jasal biex iħobb huwa wkoll, biex flimkien mal-oħrajn isseħħ l-imħabba reċiproka: jien lilek u inti lili.

Din l-imħabba hi espressjoni konkreta li tidher tal-ħajja tagħna tal-Vanġelu. Hija tagħti siwi kbir lill-kelma li mbagħad aħna nistgħu u għandna nwassluha lill-oħrajn.

“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad”.

L-imħabba hi bħan-nar. L-importanti li tibqa’ taqbad. Biex isir dan, irridu l-ħin kollu nqabbdu xi ħaġa. L-ewwel u qabel kollox irridu nitfgħu l-jien tagħna ġon-nar. Dan nagħmluh għax meta nħobbu, aħna jkollna f’moħħna lill-oħrajn. Jew ikollna f’moħħna lil Alla, u b’hekk nagħmlu r-rieda tiegħu, jew lill-proxxmu, meta aħna ngħinuh.

Jekk inżommu n-nar il-ħin kollu jaqbad, anki jekk ikun nar żgħir, dan jista’ jwassal għal ħuġġieġa kbira. Dan hu n-nar li Ġesù ġab fuq din l-art: nar ta’ mħabba u ta’ sliem, li bih kulħadd ikun aħwa ta’ xulxin.

Chiara Lubich

2012, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2012
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2012

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)