Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2012

Posted on 01/11/201207/11/2026 By admin
“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14, 23).

Dan il-kliem Ġesù qalu lill-appostli fl-aħħar diskors tiegħu fejn, fost l-oħrajn, jagħtihom kelmtu li huma għad jerġgħu jarawh, għax hu kien se juri ruħu ’l dawk li jħobbuh.

Ġuda, mhux l-Iskarjota, staqsieh għaliex kien se juri ruħu lilhom u mhux ’il kulħadd. Dan id-dixxiplu kellu xewqa kbira li Ġesù juri ruħu lin-nies biex b’hekk l-istorja tinbidel u, skont hu, dan kien ikun aħjar biex id-dinja ssalva. Infatti l-appostli kienu jaħsbu li Ġesù kien dak il-profeta li kien se jidher fl-aħħar taż-żminijiet, u li kellu juri lilu nnifsu ’l kulħadd bħala s-Sultan ta’ Iżrael, f’ras il-poplu t’Alla, biex b’hekk titwaqqaf is-Saltna tal-Mulej darba għal dejjem.

Iżda Ġesù wieġeb li hu ma kienx se jidher fil-beraħ f’xi dehra spettakolari. Iżda l-miġja tiegħu kellha tkun waħda sempliċi u straordinarja. It-Trinità kellha tinżel f’qalb dawk li jemmnu. Kienet miġja li kellha sseħħ fejn issib fidi u mħabba.

B’din it-tweġiba Ġesù jgħid eżatt b’liema mod kien se jkun preżenti fost dawk li wara mewtu kienu se jemmnu fih. Hu jfisser kif dan il-kuntatt miegħu jista’ jseħħ.

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.”

Il-preżenza tiegħu fl-insara u f’nofs il-komunità tista’ sseħħ mhux biss wara mewtu imma f’ċertu mod issa stess.

M’hemmx għalfejn tistenna ż-żminijiet futuri. It-tempju li jilqagħha ġewwa fih mhuwiex wieħed magħmul mill-ġebel, imma hu l-istess qalb tan-nisrani, li b’hekk issir it-tabernaklu l-ġdid, id-dar ħajja tat-Trinità.

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.”

Imma l-insara kif jistgħu jaslu sa hawn? Kif jistgħu jġorru ’l Alla nnifsu fi ħdanhom? Liema hi t-triq biex tidħol f’din il-komunjoni profonda miegħu?

It-triq hi l-imħabba tagħna għal Ġesù. Imħabba li mhijiex mibnija fuq dak li nħossu, imma waħda li tissarraf f’ħajja konkreta u, preċiżament, filli nħarsu l-Kelma tiegħu. Alla jwieġeb b’imħabbtu għal din l-imħabba konkreta tal-insara, u t-Trinità tiġi u tgħammar fihom.

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.”

“… iħares kelmti”. U liema hu l-kliem li n-nisrani msejjaħ jgħix?

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, “kelmti” ħafna drabi tfisser “il-kmandamenti tiegħi”. Għalhekk in-nisrani hu msejjaħ biex iħares il-kmandamenti ta’ Ġesù. Iżda dawn aħna ma rridux nifhmuhom bħala lista ta’ liġijiet. Irridu nħarsu lejhom bħala l-kliem li ried ifisser Ġesù meta ħasel riġlejn l-appostli: il-kmandament li nħobbu ’l xulxin. Lil kull nisrani Alla jordnalu jħobb ’il-oħrajn sa ma jasal li jagħti lilu nnifsu b’mod sħiħ, kif għallimna u kif għamel Ġesù.

“Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.”

Mela kif nistgħu ngħixu sew din il-Kelma? Kif se nagħmlu biex naslu f’dak il-punt meta l-Missier iħobbna u t-Trinità tiġi u tgħammar fina? Naslu għal dan billi ngħixu l-imħabba ta’ bejnietna b’qalbna kollha, bi sħiħ u bla ma qatt naqtgħu qalbna.

Huwa l-aktar permezz ta’ hekk li n-nisrani jsib ukoll it-triq li tagħti ’l fuq, it-triq li Ġesù msallab jitlob minna. Fil-fatt huwa f’din l-imħabba lejn xulxin li jwarrdu f’qalbna l-virtujiet u huwa wkoll permezz tagħha li jista’ jwieġeb għas-sejħa tal-qdusija.

Chiara Lubich

2012, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2012
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2012

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)