Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2013

Posted on 01/01/201305/10/2026 By admin

“Mela morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9, 13).

Tiftakar meta Ġesù qal dan il-kliem? Qalu meta kien bilqiegħda għall-ikel u xi publikani u midinbin poġġew madwar il-mejda Miegħu. Meta ndunaw b’dan, il-fariżej li kienu qegħdin hemm qalu lid-dixxipli tiegħu: “Għaliex jiekol mal-publikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?” U kif semagħhom jgħidu hekk, Ġesù weġibhom:

“Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju.”

Hawnhekk Ġesù qed jgħid dak li kien kiteb il-profeta Osea, u dan juri li kien jaqbel miegħu: infatti din hija r-regola li jimxu fuqha Huwa stess. Dan il-kliem jgħid li l-imħabba għandha tieħu l-ewwel post, għandha tiġi qabel kull kmandament ieħor, qabel kull regola jew preċett ieħor.

Dan hu l-kristjaneżmu: Ġesù ġie biex jgħidlek li Alla jrid minnek u mingħand l-oħrajn l-ewwelnett l-imħabba u li din ir-rieda t’Alla kienet diġà mħabbra fl-Iskrittura, kif jixhed kliem il-profeta.

Għal kull nisrani l-imħabba hi l-programm tal-ħajja, hi l-liġi fundamentali ta’ kif irid iġib ruħu, hi l-kriterju ta’ kif irid jimxi.

L-imħabba trid tiġi qabel il-liġijiet l-oħra kollha. Anzi: l-imħabba għall-oħrajn trid tkun għan-nisrani dak il-pedament sod li fuqu jista’ jħares kull liġi oħra.

“Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju.”

Ġesù jridna nħobbu, u l-ħniena hi mod kif nuruha. Hu jrid li n-nisrani jgħix hekk l-ewwelnett għax Alla jgħix hekk.

Għal Ġesù, Alla hu qabel xejn Alla Ħanin, hu l-Missier li jħobb ’il kulħadd, li jtella’ x-xemx u jibgħat ix-xita fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena.

Ġesù ma jibżax joqgħod mal-midinbin għax hu jħobb ’il kulħadd, u b’dan hu jurina min hu Alla. Mela la Alla hu hekk, la Ġesù hu hekk, inti wkoll għandu jkollok l-istess sentimenti tiegħu.

“Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju.”

“… u mhux sagrifiċċju”.

Jekk ma tħobbx lil ħutek il-bnedmin, Ġesù ma jiħux pjaċir bil-qima tiegħek lejh. Hu ma jilqax it-talb tiegħek, it-Tqarbin tiegħek, l-offerti li tagħmel, jekk dan kollu ma joħroġx minn qalb li tinsab fil-paċi ma’ kulħadd, qalb li hi għanja bl-imħabba għal kulħadd.

Tiftakru l-kliem tant qawwi tad-diskors tal-muntanja? “Jekk tkun qiegħed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5, 23-24).

Dan il-kliem ifisser li l-qima li togħġob l-aktar ’il Alla hi l-imħabba tal-proxxmu. Din irridu npoġġuha bħala l-pedament tal-qima li nagħtu lil Alla.

Jekk tkun tixtieq tagħti rigal ’il missierek meta inti tkun miġġieled ma’ ħuk (jew ħuk miegħek), kieku x’jgħidlek missierek? “Mur irranġa u agħmel paċi, imbagħad ejja kemm trid u offrili dak li trid”.

Mhux hekk biss. L-imħabba mhijiex biss il-pedament li fuqha tinbena l-ħajja tan-nisrani. Hija wkoll l-aktar triq diretta li biha ssir ir-rabta tiegħek m’Alla. Dan jgħiduh il-qaddisin, li għexu qabilna u li taw xhieda għall-Vanġelu. Dan jgħaddu minnu l-insara li jgħixu twemminhom: jekk huma jgħinu ’l ħuthom, l-aktar lil dawk li huma fil-bżonn, tikber fihom id-devozzjoni u l-għaqda tagħhom m’Alla tissaħħaħ; iħossu li teżisti rabta bejnhom u bejn il-Mulej: u din hi l-aktar ħaġa li tferraħ ’il ħajjithom.

“Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju.”

Mela kif se tgħix din il-Kelma tal-ħajja? Għandek tistma l-istess ’il dawk kollha li jiġu f’kuntatt miegħek. M’għandek tagħti l-ġenb lil ħadd minnhom, imma agħti dak li tista’ lil kulħadd, u tkun qed tagħmel bħal Alla l-Missier. Irranġa kull tilwima żgħira jew kbira li biha tagħti dispjaċir lis-Sema u li ddejjaqlek ħajtek. Qatt m’għandkom tħallu x-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, kif insibu fl-Iskrittura (ara Ef 4, 26).

Jekk inti ġġib ruħek hekk, kull ma tagħmel ikun jogħġob ’il Alla u jibqa’ għal dejjem. Sew jekk inti taħdem jew tistrieħ, sew jekk tilgħab jew tistudja, sew jekk toqgħod ma’ wliedek jew tmur passiġġata ma’ martek jew ma’ żewġek, sew jekk titlob jew tiċċaħħad minn xi ħaġa, jew jekk tagħmel xi ħaġa li taqbel mas-sejħa nisranija tiegħek, kollox, kollox, kollox jgħodd għas-Saltna tas-Smewwiet.

Il-Ġenna hi bħal dar li nibnuha f’din id-dinja u li ngħixu fiha fl-oħra. U tinbena bl-imħabba.

Chiara Lubich

2013, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2012
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2013

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)