Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2014

Posted on 01/07/201427/05/2026 By User

“Tassew ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 19-20).

Jien tal-fehma li din hi waħda mill-kliem ta’ Ġesù li l-aktar iqanqal il-qalb. Min jaf kemm affarijiet teħtieġ f’ħajtek, kemm xewqat tajbin u f’posthom li ma tafx kif se tiksibhom u li ma tistax tilħaqhom! Fil-fond ta’ qalbek taf li Alla jrid ikun għalik, li trid tkun grazzja mis-sema biex taqla’ dak li b’qalbek kollha tant tixtieq. Imbagħad tisma’ lil Ġesù jtennilek b’mod ċar u sod wegħda li timliek bit-tama:

“Tassew ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Naħseb ġieli qrajt fil-Vanġelu kif ħafna drabi Ġesù jħeġġeġ għat-talb u jgħallem kif għandna nitolbu biex naqilgħu dak li għandna bżonn. Imma l-Kelma li qed naraw illum hi tassew oriġinali. Din il-Kelma tgħidlek li biex taqla’ dak li titlob, irid ikun hemm aktar minn persuna waħda li titlobha, irid ikun hemm grupp ta’ nies. Hi tgħidilna: “Jekk tnejn minnkom”. Tnejn. Tnejn huwa l-iżgħar numru biex tifforma komunità. Mela, Ġesù ma jimpurtahx tant kemm ikun hemm nies, iżda li wieħed ma jkunx waħdu.

Fir-reliġjon Lhudija, bħalma forsi taf, hi ħaġa magħrufa li Alla japprezza t-talba tal-ġemgħa. Iżda hawnhekk Ġesù qed jgħid xi ħaġa ġdida: “Jekk tnejn minnkom… jgħollu leħinhom flimkien”. Hu jrid grupp ta’ nies, imma jridhom magħqudin flimkien, u jisħaq fuq l-għaqda ta’ bejniethom, li jkunu ħaġa waħda: irid li jkunu lkoll leħen wieħed.

M’hemmx dubju li huma jridu jaqblu bejniethom dwar x’se jitolbu, iżda din it-talba, qabel kollox, trid isserraħ fuq li jkunu qalb waħda bejniethom. Fi kliem ieħor, Ġesù qed jisħaq fuq kundizzjoni: biex wieħed jaqla’ dak li jitlob, il-persuni jridu jħobbu lil xulxin.

“Tassew ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Għandek mnejn tistaqsi: “Għaliex it-talb li nagħmlu flimkien jasal aktar malajr għand il-Missier?” Forsi r-raġuni hi li talb bħal dan ikun aktar safi. Mhux veru li ħafna drabi t-talb tagħna jispiċċa biex isir sensiela ta’ talb egoistiku li aktar ifakkrek fit-tallaba quddiem sultan, milli fl-ulied quddiem missierhom? Dak li nitolbu flimkien mal-oħrajn ikun anqas imtebba’ mill-interessi persunali. Meta nkunu mal-oħrajn aktar ikun moħħna li nisimgħu l-bżonnijiet tagħhom, li aħna mbagħad nagħmluhom tagħna. Mhux hekk biss; ikun eħfef meta jkun hemm tnejn jew tlieta minn nies biex jifhmu aħjar x’għandhom jitolbu lill-Missier. Mela, jekk irridu li t-talb tagħna jinstema’, ikun aħjar jekk noqogħdu għal dak li jgħidilna Ġesù, jiġifieri:

“Tassew ngħidilkom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Ġesù stess jgħidilna fejn jinsab is-sigriet li bih naqilgħu dak li nitolbu. Dan qiegħed filli nkunu “miġbura f’ismu”. Meta nkunu magħqudin hekk ħaġa waħda, fostna jkun hemm Hu u dak kollu li nitolbu flimkien miegħU, ikun aktar faċli naqilgħuh. Infatti Ġesù, li jinsab fejn hemm l-imħabba lejn xulxin, jgħaqqad il-qlub u jkun Huwa stess flimkien magħna li jitlob il-grazzji lil Missieru. Jista’ jkun li l-Missier ma jismax lil Ġesù? Il-Missier u Kristu huma ħaġa waħda.

Ma taħsibx li din hi xi ħaġa mill-isbaħ? Ma tħossokx aktar fiż-żgur? Ma tħossx aktar fiduċja?

“Tassew ngħidilkom: li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Naħseb issa jinteressak tkun taf x’iridek titlob Ġesù.

Hu stess jgħidilna b’mod ċar: “… jitolbu xi ħaġa, hi xinhi,”. Mela m’hemmx limitu dwar x’nitolbu. Għalhekk poġġi wkoll din it-talba fil-programm ta’ ħajtek. Forsi l-familja tiegħek, inti stess, ħbiebek, l-għaqdiet li qiegħed fihom, pajjiżek, id-dinja ta’ madwarek, huma nieqsa minn ħafna għajnuniet għax inti ma tlabthomx.

Ftiehem mal-għeżież tiegħek, ma’ min jifhmek jew ma’ min qed jgħix l-istess idejali tiegħek, u wara li tkunu lesti li tinħabbu kif irid il-Vanġelu, b’mod li jkun jistħoqqilkom il-preżenza ta’ Ġesu’ fostkom, itolbu. U itolbu kemm tifilħu: waqt il-quddiesa fil-knisja, kullimkien; itolbu qabel ma tieħdu xi deċiżjoni; itolbu kull ma tixtiequ. Fuq kollox, tħallux li Ġesù jkun iddiżappuntat għax ma tagħtux kas, wara li jkun takom dan iċ-ċans. In-nies tibda titbissem aktar, il-morda jibdew jittamaw; it-tfal jikbru f’aktar għożża; ikun hemm imħabba aktar armonjuża fil-familji; inkunu nistgħu nilqgħu għall-problemi l-kbar fl-intimità ta’ djarna stess. U intom għad tirbħu l-premju tal-Ġenna, għax it-talb għall-bżonnijiet tal-ħajjin u tal-mejtin hi waħda mill-opri tal-ħniena li għad irridu nagħtu kont tagħha fl-aħħar eżami ta’ ħajjitna.

Chiara Lubich

2014, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2014
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Awissu 2014

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme