Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2015

Posted on 01/01/201527/04/2026 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Agħtini nixrob”, qalilha Ġesù” (Ġw 4,7)

Ġesù ħalla n-naħa tal-Ġudea fi triqtu lejn il-Galilija. It-triq li qabad tgħaddi mis-Samarija. Għall-ħabta ta’ nofsinhar, taħt xemx taqli, għajjien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir li l-patrijarka Ġakobb kien bena 1700 sena qabel. Kien bil-għatx, imma ma kellux ġarra biex itella’ l-ilma. Il-bir kien fond mal-ħamsa u tletin metru, u hekk għadu sallum.

Id-dixxipli marru r-raħal jixtru xi ħaġa x’jieklu. Ġesù baqa’ waħdu. Ġiet mara timla l-ilma u bl-aktar mod sempliċi talabha tagħtih jixrob. Kienet talba li tmur kontra l-użanzi ta’ dak iż-żmien: raġel ma setax jitkellem direttament ma’ mara, aktar u aktar jekk ma jkunx jafha. Barraminnhekk kien hemm firdiet u preġudizzji reliġjużi bejn Lhud u Samaritani. Ġesù kien Lhudi u l-mara  Samaritana. Din il-firda, u saħansitra l-mibegħda bejn iż-żewġ popli, għandha għeruq fondi, storiċi u politiċi. Kien hemm ukoll bħal firda morali bejnu u bejnha: is-Samaritana kellha ħafna rġiel u kienet qed tgħix ħajja bla ebda regola. Forsi għalhekk ma kinitx tmur timla l-ilma man-nisa l-oħra filgħodu jew filgħaxija, imma f’ħin ieħor, f’nofsinhar, biex tevita l-kummenti tagħhom.

Ġesù ma ħalla ebda firda tikkundizzjonah u beda jitkellem ma’ dik il-mara barranija. Ried  imiss lil qalbha u talabha:  

“Agħtini nixrob.”

Hu għandu lest għaliha rigal, ilma ħaj. “Min jieħdu l-għatx jiġi għandi u jixrob, min jemmen fija”, hekk qal ftit wara fit-tempju ta’ Ġerusalemm (Ġw 7, 37). L-ilma hu bżonnjuż għal kull tip ta’ ħajja u jidher aktar prezzjuż f’ambjenti niexfa bħall-Palestina. Dak li Ġesù ried jagħti kien ilma “ħaj”, simbolu tar-rivelazzjoni ta’ Alla li hu Missier u mħabba, l-Ispirtu s-Santu, il-ħajja divina li hu ġie jwasslilna. Kulma jrid jagħtina hu ħaj u jiswa għall-ħajja: hu nnifsu hu l-ħobż “ħaj” (ara 6, 51), hu l-Kelma li tagħti l-ħajja (ara 5, 25), hu sempliċement il-Ħajja (ara 11, 25-26). Ġwanni, li kien xhud ta’ dak li Ġesù ġarrrab fuq is-salib, jgħidilna li meta wieħed mis-suldati tefgħalu l-lanza, “minnufih ħareġ demm u ilma” (19, 34): din kienet l-akbar għotja u sħiħa tiegħu nnifsu.

Imma Ġesù ma riedx jimponi. Lanqas biss widdibha għax kienet qed tgħix ma’ ħaddieħor b’mod irregolari. Hu li jista’ jagħti kollox, talab, għax tassew kellu bżonn ir-rigal li setgħet tagħtih:  

“Agħtini nixrob.”

Talabha għax kien għajjien, bil-għatx. Hu, li hu l-Mulej li jagħti l-ħajja, sar tallab, bla ma ħeba r-realtà umana tiegħu.

Talabha wkoll għax jaf li jekk dik il-mara kienet se tagħtih jixrob, hi setgħet tkun aktar lesta  biex tilqa’ mingħandu dak li ried jagħtiha.

Minn din it-talba bdiet taħdita kollha argumenti, nuqqas ta’ ftehim, approfondimenti u fl-aħħar Ġesù seta juri l-identità tiegħu. Id-djalogu waqqa’ d-difiża u wassal għall-iskoperta tal-verità, l-ilma li hu ġie jwasslilna. Il-mara ħalliet il-ġarra li dak il-ħin kienet l-aktar ħaġa prezzjuża għaliha, għax sabet rikkezza oħra u telqet tiġri lejn il-belt biex issa tkun hi li tibda djalogu mal-ġirien tagħha. Hi wkoll ma imponiet xejn, imma rrakkuntat x’kien ġralha, bdiet tirrakkonta l-esperjenza li għaddiet minnha u għamlet mistoqsija fuq dak il-bniedem li kienet iltaqgħet miegħu, li kien  talabha:

“Agħtini nixrob.”

F’din il-paġna mill-Vanġelu naħseb li nieħu tagħlima għad-djalogu ekumeniku li kull sena, matul dan ix-xahar, jaslilna l-urġenza tiegħu, inħossu l-importanza u l-ħtieġa tiegħu. Il-“Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara” ġġiegħelna nindunaw bil-firda skandaluża bejn il-Knejjes li issa ilha ħafna u ħafna snin u tistedinna biex ngħaġġlu ħa jasal iż-żmien meta jkun hemm komunjoni profonda li tmur lil hinn minn kull firda, bħalma għamel Ġesù li għeleb il-firdiet bejn il-Lhud u s-Samaritani.

Il-firda bejn l-insara hi biss waħda mill-ħafna firdiet li jseħħu għax nifhmu ħażin lil xulxin, għax ikun hemm nuqqas ta’ ftehim fil-familja jew fl-appartamenti fejn ngħixu, jew ġlied fil-post tax-xogħol, mibegħda kontra l-immigrati. Il-ħitan li jifirduna jistgħu jkunu ta’ tip soċjali, politiku, reliġjuż inkella frott ta’ ħafna drawwiet kulturali li ma nagħrfux naċċettawhom. Minħabba fihom jibda l-ġlied bejn il-pajjiżi jew ir-razez u l-ġlied fil-post fejn noqogħdu. Ma nistgħux, kif għamel Ġesù, ninfetħu għal ħaddieħor u negħlbu d-differenzi u l-preġudizzji ta’ bejnietna? Għaliex ma nisimgħux it-talba biex nifhmu, ngħinu u nagħtu xi ftit attenzjoni mingħajr ma noqogħdu nagħtu kas tal-mod kif saret din it-talba? Anki f’dawk li ma jaqblux magħna jew li huma ta’ kultura, twemmin jew klassi soċjali differenti, hemm moħbi Ġesù li qed idur lejna u jitlobna:

“Agħtini nixrob.”

Mill-ewwel tiġi f’moħħna kelma oħra li, kif insibu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, Ġesù qalha meta kien fuq is-salib: “Għandi l-għatx” (19, 28).  Dan hu l-bżonn li ilu jeżisti daqskemm ilu jeżisti l-bniedem, espressjoni ta’ kull ħtieġa oħra. F’kull persuna fil-bżonn, bla xogħol, waħedha, barranija,  anki jekk tkun ta’ fidi jew konvinzjoni reliġjuża oħra, kif ukoll jekk tkun kontra tagħna, fiha nistgħu nagħrfu lil Ġesù li qed jgħidilna: “Għandi l-għatx” u li jitlobna: “Agħtini nixrob”. Jekk inti toffrilha tazza ilma jkun biżżejjed biex tieħu l-ħlas tagħha (ara Mt 10, 42), biex hekk jinbeda djalogu li bih insiru aħwa ta’ xulxin.

Aħna wkoll, min-naħa tagħna, nistgħu ngħidu l-bżonnijiet tagħna, bla ma nistħu li “jkollna l-għatx” u li nitolbu: “Agħtini nixrob”. B’hekk nistgħu nibdew djalogu sinċier u komunjoni konkreta, bla ma nibżgħu mill-fatt li aħna  differenti minn xulxin, u li naqsmu l-ħsieb tagħna bir-riskju li l-ieħor jista’ma jaqbilx miegħu. B’hekk inserrħu fuq dak li  ħaddieħor jista’ jagħmel magħna, fuq il-valuri tiegħu moħbija, kif għamel Ġesù meta għaraf li dik il-mara setgħet tagħtih l-ilma li hu ma setgħax itella’ mill-bir.

Fabio Ciardi

2015, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2014
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2015

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme