Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2017

Posted on 01/01/201726/04/2026 By admin

“…l-imħabba ta’ Kristu timbuttana” (ara 2 Kor 5, 14-20).

“Il-bieraħ filgħaxija ħriġna nieklu ma’ ħabiba ta’ ommi. Jiena ordnajt platt li jogħġobni u d-deżerta favorita tiegħi. Imma ommi qaltli le. Kont se nagħmel il-geddum, imma ftakart li Ġesù kien hemm ħdejn ommi u bdejt nitbissem”. “Illum, wara ġurnata ftit u xejn diffiċli, mort lura d-dar. Kont qed nara t-televixin meta ħija ħadli r-remowt minn idejja. Irrabjajt ħafna, imma mbagħad ikkalmajt u ħallejtu jara t-televixin”. “Illum, missieri qalli xi ħaġa u jiena weġibtu ħażin. Ħarist lejh u rajt li kien imdejjaq. Għalhekk tlabtu skuża u hu ħafirli”.

Dawn huma esperjenzi tal-Kelma tal-ħajja ta’ tfal li qegħdin fi skola primarja f’Ruma. Forsi ma tantx għandhom x’jaqsmu mal-Kelma tal-Ħajja li kienu qed jgħixu matul ix-xahar, imma dan hu propju l-frott tal-għixien tal-Vanġelu: iħeġġek tħobb. Tkun xi tkun il-Kelma li ngħixu, l-effetti huma dejjem l-istess: il-Kelma tibdlilna ħajjitna, tpoġġi f’qalbna l-ħeġġa biex noqogħdu attenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn u biha aħna nkunu nistgħu naqdu ‘l ħutna l-bnedmin. Ma jistax ikun mod ieħor. Meta nilqgħu u ngħixu l-Kelma, Ġesù jitwieled fina u hekk inġibu ruħna kif iġib ruħu hu. Dan hu li jrid jgħidilna San Pawl, b’dak li kiteb lill-Korintin.

L-esperjenza profonda ta’ Ġesù qanqlet lil Pawlu biex ħadem kemm felaħ ħalli jxandar il-Vanġelu u jgħaqqad il-komunitajiet tiegħu. Hu ħassu maħbub u salvat. Ġesù tant kien daħal f’ħajtu li xejn u ħadd ma seta’ jifirdu minnu: ma kienx aktar Pawlu li kien jgħix, imma Ġesù li kien jgħix fih. Il-ħsieb li l-Mulej tant kien ħabbu li wasal biex ta ħajtu għalih, tant kien qawwi li ġġennen warajh, ma kienx iħallih bi kwietu u kien iħeġġu b’qawwa liema bħalha biex b’imħabba kbira hu jagħmel l-istess.

L-imħabba ta’ Kristu tqanqalna bl-istess qawwa li kienet tqanqal lil San Pawl?

Jekk tassew ħassejna din l-imħabba tiegħu, ma nistgħux ma nħobbux aħna wkoll u nidħlu bil-kuraġġ kollu kull fejn hemm il-firda, il-ġlied u l-mibegħda biex inwasslu l-ftehim, il-paċi u l-għaqda. L-imħabba twassalna biex negħlbu kull tfixkil u nidħlu f’kuntatt dirett man-nies, nifhmuhom u flimkien infittxu s-soluzzjoni. Din mhijiex xi ħaġa li nistgħu nagħżluha jew le. Irridu nilħqu l-unita akkost ta’ kollox bla ma nħallu l-prudenza falza, id-diffikultajiet jew it-tilwim jimblukkawna.

Dan irid isir kemm jista’ jkun malajr speċjalment fejn tidħol l-għaqda tal-Knejjes insara. Din il-Kelma ntagħżlet għal dan ix-xahar li fih niċċelebraw il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda biex ikunu jistgħu jgħixuha l-insara u l-komunitajiet tal-Knejjes differenti. B’hekk, l-imħabba ta’ Kristu fina, tqanqalna biex nersqu qrib xulxin u nibnu l-għaqda ta’ bejnietna.

Fil-ftuħ tat-Tieni Assemblea Ekumenika Ewropea li saret fi Graz, l-Awstrija, fit-23 ta’ Ġunju 1997, Chiara Lubich qalet: “In-nisrani veru, li jġib il-għaqda, huwa dak li jaf iħobb lill-oħrajn bl-istess imħabba ta’ Alla, b’dik l-imħabba li tara ‘l Kristu f’kull persuna u tħobb lil kulħadd, għax Kristu miet għal kulħadd; huwa dak li jħobb b’dik l-imħabba li dejjem lesta li tieħu l-inizjattiva u tibda tħobb hi l-ewwel, li tħobb lill-oħrajn bħalma tħobb lilha stess u ssir ħaġa waħda mal-oħrajn fit-tbatija u l-ferħ. Jeħtieġ li anki l-Knejjes iħobbu lil xulxin b’din l-imħabba”.

Mela ejjew aħna wkoll inħobbu b’qalbna kollha, bis-sempliċità u s-serjetà tat-tfal tal-iskola ta’ Ruma.

Fabio Ciardi

Din il-Kelma tal-ħajja ntgħażlet minn grupp ekumeniku Ġermaniż, magħmul minn nies ta’ ħafna Knejjes. Inħallu ‘l din il-wegħda li għamlilna Alla timxi magħna tul is-sena kollha, aħna u niftakru fil-ħames mitt sena mir-Riforma.

2017, Kelma tal-Ħajja Tags:Knejjes Insara

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2016
Next Post: Ix-Xandir: Ilkoll Ħaġa Waħda

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme