Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2018

Posted on 01/01/201826/04/2026 By admin

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA” (ES 15,6).

Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tfakkarna f’vers mill-innu ta’ Mosè, silta mit-Testment il-Qadim li fiha l-poplu ta’ Iżrael ifaħħar lil Alla għal dak kollu li għamel fl-istorja tiegħu. Din hija għanja li biha hu jistqarr dak li Alla għamel biex isalvah matul il-vjaġġ twil ta’ ħelsien mill-jasar tal-Eġittu sa ma wasal fl-Art imwiegħda. Kien vjaġġ mimli diffikultajiet u tbatija, imma twettaq bit-tmexxija żgura ta’ Alla, kif ukoll bil-ħidma ta’ Mosè u Ġożwè, li għażlu li jkunu qaddejja tal-pjan Tiegħu ta’ fidwa.

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

Meta aħna naħsbu fil-qawwa, faċli norbtuha mas-saħħa tal-poter, li ħafna drabi ġġib magħha ġlied bejn nies u ġnus. Filwaqt li l-Kelma ta’ Alla turina li l-qawwa vera tinsab fl-imħabba, li dehret f’Ġesù. Hu għadda mill-esperjenza tagħna l-bnedmin, sa ma miet, biex jiftħilna t-triq tal-ħelsien u tal-laqgħa tagħna mal-Missier. Bil-ħila Tiegħu dehret il-qawwa vera tal-imħabba ta’ Alla għalina l-bnedmin.

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

Meta nħarsu lejna nfusna, jeħtieġ li nkunu sinċiera u nagħrfu l-limiti tagħna. Id-dgħufija tal-bniedem fl-aspetti kollha tagħha – fiżiċi, morali, psikoloġiċi, soċjali – hi realtà li ma nistgħux niċħduha. Imma propju hawn hu fejn nistgħu nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla. Hu jrid li l-bnedmin kollha, li huma wliedu, ikunu ferħana u għalhekk Hu dejjem lest li joffri l-għajnuna qawwija tiegħu ‘l dawk kollha li bil-ħlewwa jpoġġu lilhom infushom f’idejH biex jagħtu sehemhom ħalli joktru l-ġid, il-paċi u l-fraternità.

Din il-Kelma ntagħżlet għal dan ix-xahar li fih niċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Kemm tbatija kellna l-ħila noħolqu għal xulxin matul dawn is-sekli; kemm firdiet u suspetti ħloqna li kienu l-kawża ta’ firda bejn komunitajiet u familji!

“LEMINTEK, MULEJ, ISSEBĦET FIL-QAWWA”.

Jeħtieġ li nitolbu l-grazzja tal-għaqda, bħala don ta’ Alla. Fl-istess waqt nistgħu ukoll noffru lilna nfusna bħala għodda ta’ mħabba f’Idejh biex inkunu nistgħu nibnu pontijiet bejnietna. Fis-sena 2002, meta l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes kien stieden ‘il Chiara Lubich biex tmur Ġinevra ħalli tagħti l-ħsieb u l-esperjenza tagħha, hi kienet qalet hekk:

“Id-djalogu jsir b’dan il-mod: l-ewwelnett irridu npoġġi lilna nfusna fuq l-istess livell tal-persuna l-oħra, tkun min tkun; imbagħad irridu nisimgħuha billi nagħmlu vojt sħiħ ġewwa fina… B’hekk naslu biex nilqgħu lill-persuna l-oħra u nifhmuha… U għax tħoss li qed nisimgħuha b’imħabba, titqanqal biex hi wkoll tisma’ dak li aħna għandna xi ngħidu”. (1)

Matul dan ix-xahar ejjew nagħmlu użu tajjeb mill-kuntatti tagħna fil-ħajja ta’ kuljum biex hekk insaħħu r-rabtiet ta’ stima u ħbiberija ma’ familji u gruppi li jagħmlu parti minn knejjes differenti minn tagħna. U għax ma nifirxux it-talb u l-ħidma tagħna biex jitfejqu l-firdiet fi ħdan l-istess

komunità tal-Knisja tagħna, kif ukoll fil-politika, fis-soċjetà u fil-familji? B’ferħ inkunu nistgħu nagħtu xhieda ta’ kemm: “Lemintek, Mulej, issebħet fil-qawwa”.

Letizia Magri

1 Cfr. C. Lubich, L’unità e Gesù crocifisso e abbandonato fondamento per una spiritualità di comunione, Ġinevra, 28 ta’ Ottubru 2002.

2018, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2017
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2018

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme