Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2023

Posted on 01/01/202325/04/2026 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt” (Is 1, 17).

Il-Kelma tal-ħajja ta’ Jannar hi silta mill-ewwel kapitlu tal-profeta Isaija u ntagħżlet għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda tal-Insara, li tiġi ċċelebrata bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar. Il-kumment tħejja minn grupp ta’ Nsara mill-belt ta’ Minnesota, fl-Istati Uniti1. Id-dritt, il-ġustizzja hu argument jaħraq ħafna. Id-diżugwaljanzi, il-vjolenza u l-preġudizzji jikbru f’soċjetà  li qajla tagħti xhieda għal kultura ta’ paċi u għaqda.

Żmien il-profeta Isaija ma kienx differenti wisq minn żmienna. Ħtija tal-gwerer, l-irvellijiet, il-kilba għall-flus u s-setgħa, il-qima tal-allat foloz u l-emarġinazzjoni tal-foqra, il-poplu Lhudi kien tilef triqtu. Il-profeta beda jkellimhom bi kliem iebes ħafna biex jaqbdu t-triq tal-konverżjoni, u wriehom minn fejn kellhom jgħaddu biex jerġgħu lura għall-patt li Alla kien għamel ma’ Abraham. 

“Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt.”

Xi jfisser titgħallem tagħmel it-tajjeb? Irridu nkunu dejjem lesti li nitgħallmu u dan jitlob minna sforz. Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum dejjem ikollna x’nitgħallmu jew intejbu, u jekk xi ħaġa tmurilna żmerċ nistgħu nibdew mill-ġdid.

Xi jfisser tfittex id-dritt? Id-dritt hu bħal teżor li rridu nfittxuh, nixtiquh, u li bih naslu biex nagħmlu t-tajjeb. Meta nimxu fid-dritt inkunu nistgħu nagħmlu l-ġid. Bih nindunaw xinhi r-rieda t’Alla, li m’għandniex ġid ieħor ħliefha.

Isaija jagħtina eżempji konkreti. Alla jippreferi l-aktar lil min nieqes mill-ħila, lill-batuti, l-orfni u r-romol. Alla jistieden lill-poplu tiegħu biex jieħu ħsieb l-oħrajn, l-aktar lil min ma jistax iħares id-drittijiet tiegħu. Alla jistkerrah iċ-ċerimonji reliġjużi, is-sagrifiċċji u t-talb jekk min jagħmilhom ma jgħixx sew u jgħix ħajja ġusta.

“Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt.”

Dan il-kliem iħeġġiġna ngħinu ʹl-oħrajn, noqogħdu attenti għal min jinsab fil-bżonn u ngħinuh. Il-mixja tagħna ta’ konverżjoni titlobna niftħu qalbna, moħħna u dirgħajna l-aktar lejn min ikun għaddej minn xi tbatija.

“Ix-xewqa u t-tfittxija tad-dritt minn dejjem jinsabu fil-kuxjenza tal-bniedem. Dawn Alla stess poġġiehomlu f’qalbu. Imma minkejja s-suċċess u l-progress li saru tul is-snin, kemm għadu ʹl bogħod it-twettiq tal-proġett t’Alla! Il-gwerer li għadhom għaddejjin, kif ukoll it-terroriżmu u l-ġlied razzjali huma sinjali tad-diżugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, tal-inġustizzji, tal-mibegħda. […] Mingħajr imħabba, rispett għall-persuni u attenzjoni għal dak li jeħtieġu, ir-rabtiet bejn in-nies, minkejja li jitjiebu, jistgħu wkoll isiru affarijiet burokratiċi, bla ma jagħtu tweġibiet tajba għall-bżonnijiet tal-bniedem. Mingħajr imħabba qatt ma jista’ jkun hemm il-vera ġustizzja, il-qsim tal-ġid bejn l-għonja u l-fqar, l-attenzjoni għal kull mara u raġel u għas-sitwazzjoni konkreta li fihom isibu ruħhom”2.

“Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt.”

Biex nimpenjaw ruħna għal dinja magħquda, irridu nieħdu fuq spallejna l-ġrieħi tal-bnedmin b’azzjonijiet żgħar li jistgħu jgħinuna nibnu l-familja tagħna l-bnedmin.

Darba waħda Josè, raġel mill-Arġentina, kumbinazzjoni ltaqa’ mas-surmast tal-iskola fejn kien jgħallem u li bi skuża kien keċċih. Kif dan is-surmast għarfu, ipprova jiskartah imma Josè resaq  ħdejh. Staqsieh kif kien u s-surmast beda jirrakkuntalu d-diffikultajiet tiegħu. Qallu li kien mar joqgħod f’belt oħra u li kien qed ifittex ix-xogħol. Josè offra li jgħinu u l-għada, lil min kien jafu, beda jgħidlu li kien qed ifittex ix-xogħol għal xi ħadd. It-tweġiba ma damitx ma waslet. Meta s-surmast irċieva l-aħbar tal-offerta għal xogħol ġdid, qajla seta’ jemmen! Aċċettaha u kien grat ħafna. Ħassu mqanqal għall-fatt li kien wieħed imkeċċi minnu li interessa ruħu fih u għenu.

Imbagħad Josè irċieva l-“mitt darba aktar3” għax kien propju dak iż-żmien li offrewlu żewġ postijiet ta’ xogħol li kien jixtieq jagħmel sa minn meta kien qed jibda l-università. Hu wkoll baqa’ mistagħġeb u milqut mill-imħabba konkreta t’Alla4.

Kitba ta’ Patrizia Mazzola u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja 

  1. George Floyd inqatel f’Minneapolis, belt fl-Amerka, fl-2020. Minn dan il-qtil twieled moviment biex titneħħa kull diskriminazzjoni razzjali.
  2. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja 2006, mill-ktieb: Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 795.
  3. Ara Mt 19, 29.
  4. Silta addattata minn: “Il Vangelo del giorno”, Città Nuova, anno VIII, n. 1, gennaio-febbraio 2022.
2023, Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2022
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2023

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme