Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2024

Posted on 01/11/202425/04/2026 By admin

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Tassew, ngħidilkom, li din l-armla, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha [fit-Teżor], dak kollu li kellha biex tgħix” (ara Mk 12, 44).

Din is-silta nsibuha f’għeluq il-kapitlu tnax tal-Vanġelu ta’ San Mark. Ġesù kien fit-tempju ta’ Ġerusalemm fejn kien josserva n-nies ta’  madwaru u jgħallem. Kien hemm diversi tipi ta’ nies ġejjin u sejrin: fosthom kien hemm min kien inkarigat mil-liturġija, oħrajn nobbli lebsin ilbies twil, u nies għonja jitfgħu ħafna flus fit-teżor tat-tempju, eċċ.

Resqet ukoll mara armla, fqira u mwarrba minn kulħadd. Ħadd ma nnutaha hi u titfa’ żewġ muniti li kienu jiswew ftit tal-flus. Imma Ġesù lemaħha, sejjaħ id-dixxipli ħdejn u beda jgħallimhom:

“Tassew, ngħidilkom, li din l-armla, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha [fit-Teżor], dak kollu li kellha biex tgħix”.

“Tassew, ngħidilkom…”. Dan hu kliem li nsibu fih tagħlim importanti; Ġesù li tefa’ ħarstu fuq din il-mara fqira jistedinna nagħmlu bħalha: hi l-mudell ta’ kif għandhom iġibu ruħhom id-dixxipli tiegħu.

Il-fidi ta’ din l-armla hi waħda qawwija; it-teżor tagħha jinsab f’Alla nnifsu. Fl-għotja sħiħa tagħha lil Alla, hi tixtieq tagħti wkoll dak li tista’ biex tgħin lil min hu aktar fqir minnha. Din l-għotja sħiħa u kollha fiduċja tfakkarna fl-għotja ta’ Ġesù fil-passjoni u l-mewt tiegħu. Hu dak l-istess “faqar fl-ispirtu” u “safa tal-qalb” li Ġesù għex u għallem.

Dan ifisser li “m’għandniex inserrħu rasna fuq il-ġid ta’ din id-dinja, imma fuq l-imħabba ta’  Alla u fil-providenza tiegħu. […] Aħna nkunu “foqra” fl-ispirtu meta nħallu l-imħabba lejn l-oħrajn tmexxina, u nagħtu minn dak li jkollna biex ngħinu lil min jinsab fil-bżonn: nagħtu tbissima, il-ħin tagħna, il-ġid u l-ħiliet tagħna. Meta b’imħabba nagħtu kollox, imbagħad inkunu foqra, jiġifieri vojta minna nfusna, insiru xejn, nies ħielsa u ta’ qalbhom safja”[1].

Il-proposta li qed jagħmlilna Ġesù tibdlilna l-mentalità tagħna; iż-żgħar, il-fqar u l-imwarrba jinsabu fiċ-ċentru tal-ħsieb ta’ Ġesù.

“Tassew, ngħidilkom, li din l-armla, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha [fit-Teżor], dak kollu li kellha biex tgħix”.

Din il-Kelma tal-Ħajja tistedinna l-ewwelnett biex inġeddu l-fiduċja kollha tagħna fl-imħabba ta’ Alla u nimxu dejjem taħt il-ħarsa Tiegħu, sabiex ma nagħtux kas tal-apparenzi, ma niġġudikawx u ma nkunux niddependu mill-ġudizzju tal-oħrajn. B’hekk inqisu lil kull persuna b’mod pożittiv.

Din il-Kelma tal-Ħajja tgħidilna li l-mentalità tal-Vanġelu tinsab fl-għotja sħiħa tagħna biex nibnu komunità b’saħħitha għaliex tħeġġiġna biex nieħdu ħsieb xulxin. Tagħmlilna l-qalb biex ngħixu l-Vanġelu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bla daqq ta’ trombi, biex nagħtu minn dak li jkollna b’qalb ġeneruża u b’fiduċja, filwaqt li ngħixu b’ċertu qies. Twissina biex nieħdu ħsieb dawk li huma mwarrba, u nitgħallmu minnhom.

Venant twieled u trabba fil-Burundi, li hu pajjiż fl-Afrika tal-lvant. Jgħid hekk: “Fir-raħal tagħna, il-familja tiegħi setgħet tiftaħar bir-razzett imdaqqas li kellha, li minnu kull sena kienet tieħu ħsad tajjeb. Ommi kienet temmen li kollox hu mogħti lilna mill-providenza t’Alla, u fi żmien il-ħsad kienet tqassam l-ewwel frott lill-ġirien tagħna. Kienet tibda mill-familji fil-bżonn, u kienet tħallilna biss parti żgħira minn dak li kien jifdal. B’dan l-eżempju tgħallimt kemm jiswa li tagħti bla ma tistenna xejn lura. Hekk fhimt li Alla kien qed jitlobni nagħtiH l-aħjar parti tiegħi, anzi li nagħti lili nnifsi Lilu kollni kemm jien”.

Kitba ta’ Letizia Magri
u tal-grupp tal-Kelma tal-Ħajja

[1] Cf. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2003, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma, 2017) pġ. 704.

2024, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2024
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2024

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme