Il-Kelma t’Alla hi sisien li fuqha tinbena l-komunità. Waqt li ġġib bidla fil-ħajja tal-individwu, il-Kelma twasslu biex jagħraf li hu jagħmel parti mill-familja kbira t’Alla u li jista’ jagħti s-sehem tiegħu biex issaltan dik l-imħabba li Ġesù ġab fuq din l-art.
Ħafna jiġu f’kuntatt mal-ispiritwalità tal-unità permezz tal-laqgħat tal-Kelma tal-Ħajja li l-Moviment tal-Fokolari jagħmel f’diversi lokalitajiet, u dawk li jiltaqgħu mal-Kelma u jgħixuha, jsibu ruħhom flimkien ma’ oħrajn fl-iskola ta’ Ġesù.
Xhieda ta’ dan huma l-esperjenzi li ġejjin.
* * *
“Sibt ruħi ma’ grupp ta’ nies, li ma kont naf lil ħadd minnhom, ħlief lil min stedinni biex immur għal-laqgħa tal-Kelma tal-Ħajja. Mill-ewwel ħassejtni milquta mill-atmosfera sabiħa li kien hemm, u bqajt aktar milquta meta xi wħud bdew jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-għajxien tal-Kelma. Din il-laqgħa kienet għalija bidu ta’ avventura ġdida. Komplejt nattendi għal dawn il-laqgħat u bdejt niskopri dejjem aktar dik iċ-ċavetta prezzjuża li tiftaħ il-bieb għal relazzjoni radikali u profonda m’Alla u mal-proxxmu. Bdejt nagħraf kemm l-għajxien tal-Kelma jiġġenera relazzjonijiet veri u awtentiċi, imsejsa fuq l-imħabba li jgħallem Ġesù. Illum inħossni xxurtjata li qed nagħmel il-vjaġġ qaddis ta’ ħajti flimkien ma’ oħrajn li fil-Kelma t’Alla sabu “musbieħ għal riġlejhom” (ara Salm 119:105).
Siltiet mill-pubblikazzjoni Ngħixu l-Kelma, oriġinali bit-Taljan Parole di Vita, mis-sensiela Opere di Chiara Lubich, maqluba għall-Malti mill-Moviment tal-Fokolari f’Malta.
© Città Nuova Editrice, Ruma, 2017

