Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ April 2012

Posted on 01/04/201209/10/2026 By admin
“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġw 15, 3).

Naħseb li meta d-dixxipli semgħu dan il-kliem ċar u ta’ inkuraġġiment mingħand Ġesù, qalbhom qabżet bil-ferħ. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku Ġesù jgħid dan il-kliem lilna wkoll! Mela ejjew nippruvaw nifhmuh biex inkunu denji tiegħu.

Ġesù kien għadu kif għamel it-tixbieha tad-dielja u l-friegħi. Ġesù hu l-vera dielja, il-Missier il-bidwi li jqaċċat kull fergħa li ma tagħmilx frott u l-fergħa li tagħmel frott jiżborha biex tagħmel aktar. Wara li fisser dan, qal:

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

“Intom ġa ndaf…”. Din x’indafa hi li qed jitkellem fuqha? Qed jitkellem fuq meta aħna nkunu lesti li niftħu qalbna għal Alla, meta ma jkun hemm xejn li jtellef (ngħidu aħna d-dnub), jew li jeħodha kontra l-kuntatt mal-affarijiet sagri, mal-laqgħa tagħna m’Alla.

Biex ikollna din l-indafa neħtieġu l-għajnuna mis-Sema. Fit-Testment il-Qadim, il-bniedem kien ġa ntebaħ li ma jistax jersaq lejn Alla bil-ħila tiegħu biss. Kien jeħtieġ li Alla jsaffilu qalbu, li jagħtih qalb ġdida. Salm mill-isbaħ jgħid hekk: “… oħloq fija, o Alla qalb safja” (Salm 51 «50», 12).

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

Skont Ġesù hemm mezz biex insiru safjin: il-kelma tiegħu. Dik il-kelma li d-dixxipli kienu semgħu, żammew sħiħ fiha u li kienet issaffihom.

Fil-fatt, il-kelma ta’ Ġesù mhijiex bħal kliem il-bniedem. Fiha hemm Kristu, bħalma jinsab b’mod ieħor fl-Ewkaristija. Biha Kristu jidħol fina. Meta aħna naċċettawha u ngħixuha, inkunu qed inħallu ’l Kristu jitwieled u jikber f’qalbna.

Il-Papa Pawlu VI kien jgħid:

“Ġesù kif ikun preżenti f’qalbna? Ikun preżenti bix-xandir tal-Kelma li biha jasal ħsieb Alla, jasal il-Verb, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Nistgħu ngħidu li l-Mulej jitwieled fina meta aħna naċċettaw li l-Kelma tiġi tgħammar fina”.

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

Il-Kelma ta’ Ġesù tixbah ukoll lil żerriegħa li tinxteħet fil-fond ta’ qalb il-bniedem li jemmen. Meta l-bniedem jilqagħha, hi tidħol fih u bħal żerriegħa tiżviluppa, tikber, tagħti l-frott, “tikkristifikah” u tagħtih is-sura tiegħu.

Meta l-Ispirtu s-Santu jqiegħed il-Kelma fil-fond ta’ qalbna, hi jkollha tassew il-qawwa li żżomm l-insara ’l bogħod mill-ħażen: sa ma l-Kelma taħdem fihom, u huma jinħelsu mid-dnub. Għalhekk ikunu safja. Jidneb biss min ma jismax mis-sewwa.

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”.

Mela kif irridu ngħixu biex ikun jixirqilna dan il-kliem ta’ tifħir ta’ Ġesù?

Irridu ngħixu kull Kelma t’Alla, u nitrejqu biha mument wara l-ieħor, biex ħajjitna hawn fl-art tkun dejjem mibnija fuq il-Vanġelu. Dan biex naslu li jkollna l-istess ħsibijiet u xewqat ta’ Ġesù, biex nerġgħu ngħixu lilu fid-dinja, biex lis-soċjetà, li ħafna drabi hi mħassra bil-ħażen u d-dnub, nuruha s-safa t’Alla, dan id-dawl ċar li joħroġ mill-Vanġelu.

Matul dan ix-xahar, ejjew nippruvaw ngħixu l-aktar dik il-Kelma li turina l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin. Nagħmlu hekk jekk nistgħu, jiġifieri jekk hemm oħrajn li jaħsbuha bħalna. Tant hu hekk li San Ġwann l-Evanġelista, li mill-Vanġelu tiegħu ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, jorbotha mal-kmandament il-ġdid.

Skont dan l-Evanġelista, meta aħna ninħabbu bejnietna, inkunu qed ngħixu l-Kelma li tħalli l-effetti tagħha ta’ tisfija, ta’ qdusija, ta’ ħelsien mid-dnub, ta’ grazzji, u hekk nersqu aktar qrib t’Alla.

Wieħed waħdu, maqtugħ mill-oħrajn, ma jkunx jiflaħ iżomm sod għal ħafna żmien quddiem il-ġibdiet tad-dinja. Imma meta jkun hemm l-imħabba bejnietna huwa jsib ambjent b’saħħtu li jkun jista’ jgħinu jħares il-ħajja nisranija ġenwina tiegħu.

Chiara Lubich

2012, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2012
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2012

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)