Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2010

Posted on 01/01/201027/05/2026 By admin

“Alla jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu” (ara Ap 21,3)

“Din hi l-għamara t’Alla mal-bnedmin; u Hu jgħammar magħhom u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom”(Ap 21, 3).

Il-Kelma t’Alla ta’ dan ix-xahar tmissna fil-laħam il-ħaj. Jekk irridu nkunu parti mill-poplu tiegħu, irridu nħalluH jgħix fostna. Imma kif jista’ jseħħ dan, u x’irridu nagħmlu biex, sa minn din id-dinja stess, induqu xi ftit dak il-ferħ li jkollna meta għad naraw lil Alla? Hu eżattament dan li wriena Ġesu; hu eżattament dan is-sens tal-miġja tiegħu: Hu ried iwasslilna l-ħajja tiegħu ta’ mħabba mal-Missier, biex ngħixuha aħna wkoll.

Sa minn issa stess aħna l-insara nistgħu ngħixu dan il-kliem u jkollna lil Alla preżenti fostna. Kif jistqarru Missirijiet il-Knisja, biex ikollna lilu fostna, huma meħtieġa ċerti kundizzjonijiet. Bażilju jgħid li rridu ngħixu skont ir-rieda t’Alla. Ġwanni Kriżostmu jgħid li rridu nħobbu kif ħabb Ġesu. Skont Teodoru Studita jeħtieġ li ninħabbu bejnietna, u għal Oriġene l-ħsieb u s-sentimenti tagħna jridu jaqblu biex naslu għal konkordja, jiġifieri li nkunu qalb waħda. U dan “jgħaqqadna flimkien u meta nagħmlu hekk ikollna fostna ’l-Iben t’Alla”.

Fit-tagħlim ta’ Ġesu nsibu ċ-ċavetta li permezz tagħha Alla jgħammar fostna: “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (ara Ġw 13, 34). Iċ-ċavetta tal-preżenza t’Alla hija l-imħabba għal xulxin. “Jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina” (1 Ġw 4, 12) għax: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f ’ismi hemm inkun jien f ’nofshom” (Mt 18,20), jgħid Ġesu.

“Alla jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu”.

Mela mhuwiex daqshekk ’il bogħod u impossibbli l-jum li fih għad iseħħu l-wegħdietkollha tal-Patt il-Qadim: “Fosthom tkun il-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi” (Eż 37,27).  Diġa qed iseħħ kollox f ’Ġesu li, lil hinn mill-eżistenza storika tiegħu, jibqa’ preżenti fost dawk li jgħixu skont il-liġi l-ġdida tal-imħabba għal xulxin, li hi dik il-liġi li tagħmilhom poplu, il-poplu t’Alla.  Għalhekk din il-Kelma tal-Ħajja qed issejħilna, speċjalment lilna l-insara, biex b’imħabbitna nkunu xhieda tal-preżenza t’Alla. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35). Jekk aħna  ngħixu l-kmandament il-ġdid b’ dan il-mod, ikollna dak li hu meħtieġ biex Ġesu jkun preżenti fost il-bnedmin.  Xejn ma nistgħu nagħmlu jekk ma jkollniex il-garanzija tal-preżenza tiegħu. Din hi preżenza li tagħti sens lill-ħajja sopranaturali bejn l-aħwa, ħajja li Ġesu ġab hawn fl-art biex jgħixuha l-bnedmin kollha.

“Alla jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu”.

Għalkemm aħna ġejjin minn komunitajiet ekkleżjali differenti, imiss l-aktar lilna l-insara li nuru lid-dinja poplu wieħed magħmul minn kull razza u kultura, mill-kbar u miż-żgħar, minn nies morda u minn nies b’saħħithom. Poplu wieħed li fuqu  jista’ jintqal, kif kienu jgħidu fuq l-insara tal-ewwel żminijiet: “Ara kemm jinħabbu bejniethom u kemm huma lesti li jagħtu ħajjithom għal xulxin”.  Dan hu “l-miraklu” li l-umanità qed tistenna biex jerġa’ jkollha t-tama. Dan hu  kontribut meħtieġ biex isir progress ekumeniku, biex nimxu lejn għaqda sħiħa u li  tidher tal-insara. Dan hu “miraklu” li nistgħu nwettqu, jew aħjar, Dak li jgħix fost dawk  li huma magħqudin flimkien bl-imħabba, jista’ jbiddel id-destin tad-dinja u jwassal  il-bnedmin kollha biex ikunu lkoll ħaġa waħda.

Chiara Lubich

 

Referenzi:

Parola di vita, Awwissu 1979, ippubblikata sħiħa f’Essere la Tua Parola. Chiara Lubich e cristiani di tutto il mondo, vol. II, Città Nuova, Ruma 1982, pp.53-55

Il-“Kelma tal -Ħajja” tiġi maqluba f’90 lingwa u idjoma (li 20 min hom huma biss orali ) u tilħaq miljuni ta ’ nies permezz ta ’ gazzetti , radju, televixin u internet .

 

 

2010, Kelma tal-Ħajja Tags:rieda t'Alla

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2009
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2010

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme