Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2011

Posted on 01/01/201127/05/2026 By User

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (Atti 4: 32)1.

Permezz ta’ din il-Kelma, l-awtur tal-Atti tal-Appostli jurina xena mill-ewwel komunità nisranija ta’ Ġerusalemm (ara wkoll 2, 42; 5, 12-16). Kwalitajiet ewlenin tagħha kienu l-freskezza u l-ħeġġa spiritwali, it-talb u x-xhieda, imma fuq kollox l-għaqda kbira li kien hemm fi ħdanha. Din Ġesù ried li tingħata importanza kbira għax minnha toħroġ u tinfirex il-Knisja tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu, li huwa spirtu ta’ mħabba u għaqda, kien jingħata fil-Magħmudija lil dawk kollha li kienu jilqgħu kliem Ġesù, u kien jgħaqqadhom ħaġa waħda ma’ Ġesù Rxoxt u b’hekk kienu jegħlbu d-differenzi kollha ta’ razza, kultura u klassi soċjali.

 “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.”

Imma ejjew naraw fid-dettall l-aspetti ta’ din l-għaqda.

L-Ispirtu s-Santu kien qabel xejn jgħaqqad flimkien lil dawk li jemmnu u jagħmilhom qalb waħda u moħħ wieħed. Hu kien jgħinhom jegħlbu dawk l-affarijiet li kienu jtellfu ‘l din l-għaqda fir-rabtiet ta’ bejniethom bħala aħwa ta’ xulxin.

Infatti l-aktar ħaġa li tfixkel l-għaqda hi l-individwaliżmu tagħna; hi meta nintrabtu mal-ideat tagħna, ma’ kif inħarsu lejn l-affarijiet u mal-gosti personali. Bl-egoiżmu tagħna aħna nibnu ħitan li bihom ninqatgħu għalina u naqtgħu barra ‘l min hu differenti minna.

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.”

Imbagħad, l-għaqda li kien iġib l-Ispirtu s-Santu, kienet bilfors tirrifletti fuq il-ħajja ta’ dawk li kienu jemmnu. L-għaqda tal-ħsieb u tal-qalb kienet titwieled u tintwera f’solidarjetà konkreta billi kienu jaqsmu ġidhom flimkien ma’ dawk ħuthom li kienu fil-bżonn. U peress li kienet għaqda vera, ma kienx permess li fi ħdan il-komunità jkun hemm min jgħix fil-ġid filwaqt li oħrajn kienu jkunu neqsin mill-affarijiet meħtieġa għall-ħajja.

“Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.”

Mela dan ix-xahar kif se ngħixuha din il-Kelma tal-ħajja? Hi tisħaq fuq l-importanza tal-komunjoni u l-għaqda li Ġesù tant xtaq u li biex din isseħħ Hu tana l-Ispirtu tiegħu.

Għandna nfittxu mela li nisimgħu leħen l-Ispirtu s-Santu, biex nikbru f’din il-komunjoni fil-livelli kollha. Qabel xejn fil-livell spiritwali billi negħlbu l-firda li nġorru ġewwa fina. Biex nagħti eżempju, tkun ħaġa li ma tagħmilx sens li tkun trid tingħaqad ma’ Ġesù u fl-istess ħin ikun hemm il-firdiet bejnietna billi nġibu ruħna b’mod individwalista, u kulħadd jimxi għal rasu, u billi noqogħdu niġġudikaw lil xulxin u forsi nwarrbu ‘l xulxin. Għalhekk jeħtieġ li niġġeddu u nikkonvertu għaliex Alla jridna nkunu magħqudin ħaġa waħda bejnietna.

Barra minn hekk, din il-Kelma tgħinna nifhmu dejjem aħjar il-kontradizzjoni li hemm bejn it-twemmin nisrani u l-użu egoistiku tal-ġid materjali. Hi tgħinna nwettqu solidarjetà vera ma’ kull min jinsab fil-bżonn, dejjem skont kemm inkunu nistgħu.

Peress li ninsabu fix-xahar li fih niċċelebraw il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara, din il-Kelma timbuttana biex nitolbu u nsaħħu r-rabtiet tagħna ta’ għaqda u mħabba ma’ ħutna nsara ta’ Knejjes oħra, li magħhom tgħaqqadna l-fidi ta’ bejnietna u l-ispirtu waħdieni ta’ Kristu, li rċevejna fil-Magħmudija.

Chiara Lubich

 

2011, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru 2010
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2014

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme