Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2011

Posted on 01/02/201107/11/2026 By admin
“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla” (Rum 8, 14)1.

Din il-Kelma nsibuha f’nofs l-innu li fih San Pawl jgħanni dwar is-sbuħija tal-ħajja nisranija, dwar kull ħaġa ġdida li hemm fiha u l-libertà li hi ġġib magħha. Dan kollu hu frott tal-magħmudija u tal-fidi f’Ġesù, li permezz taghhom ningħaqdu bis-sħiħ fih u, permezz tiegħu, fir-realtà tal-ħajja li tinsab fit-Trinità Qaddisa. Meta nsiru ħaġa waħda ma’ Kristu, aħna naqsmu miegħu l-Ispirtu, bl-effetti kollha li dan iġib miegħu, ibda mill-ewwel wieħed: insiru wlied Alla.

San Pawl jinqeda bil-kelma “adozzjoni”2, imma dan jagħmlu biss biex jagħżilha mill-pożizzjoni ta’ iben naturali li tapplika biss għall-Iben waħdieni t’Alla.

Ir-rabta tagħna mal-Missier mhijiex waħda purament skont kif titlob il-liġi bħalma tkun dik tal-ulied addottati, imma hi rabta kollha sustanza, li tbiddel saħansitra n-natura tagħna, bħal twelid mill-ġdid. Għax ħajjitna kollha tirċievi l-ħajja minn prinċipju ġdid, minn spirtu ġdid li hu l-istess Spirtu t’Alla.

Flimkien ma’ Pawlu, ma nehdew nieqfu qatt inkantaw il-miraklu ta’ mewt u qawmien li l-grazzja tal-magħmudija taħdem fina.

“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla.”

Din il-Kelma tgħidilna xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħajja tagħna ta’ nsara, li fiha l-Ispirtu ta’ Ġesù jdaħħalna f’dik il-ħeġġa u t-tensjoni li Pawlu jiġbor fi ftit kliem fil-pożizzjoni opposta li hemm bejn il-ġisem u l-ispirtu. Bil-kelma ġisem hu jrid ifisser il-bniedem sħiħ (ġisem u ruħ) bid-dgħufija u l-egoiżmu tiegħu li l-ħin kollu jitqabdu mal-liġi tal-imħabba nnifisha li ssawbet fi qlubna3.

Tant hu hekk li dawk kollha li huma mmexxija mill-Ispirtu t’Alla kuljum iridu jħabbtu wiċċhom mat-“taqbida t-tajba tal-fidi”4 biex ikunu jistgħu jxejnu l-ġibdiet kollha għall-ħażen u jgħixu skont l-istqarrija tal-fidi li saret fil-magħmudija.

Kif?

Ilkoll nafu li biex l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem, jeħtiġilna nagħmlu l-parti tagħna, u San Pawl, meta kien qed jikteb din il-Kelma, kellu f’moħħu l-aktar id-dmir li għandhom dawk kollha li jimxu wara Kristu: jiċħdu lilhom infushom u jitqabdu kontra l-egoiżmu fil-forom kollha tiegħu.

Imma meta mmutu għalina nfusna nieħdu l-ħajja, tant li kull qatgħa, kull żabra, kull darba li ngħidu le għall-jien egoista tagħna, ikollna dawl ġdid, sliem, ferħ, imħabba u ħelsien minna nfusna. Dan kollu hu bieb miftuħ għall-Ispirtu.

Meta nħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina b’aktar libertà, Hu jkun jista’ jsawwab fina d-doni tiegħu b’aktar abbundanza u jagħtina direzzjoni tajba fil-mixja tal-ħajja.

“Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla.”

Mela kif se ngħixu din il-Kelma? Qabel xejn jeħtiġilna nagħrfu dejjem aktar din il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. Fina nfusna aħna nġorru teżor ta’ kobor liema bħalu. Imma qajla nindunaw bih. Għandna rikkezza tal-għaġeb; imma din kważi qatt ma nużawha.

Imbagħad, biex jirnexxilna nisimgħu u nimxu wara dan il-leħen, irridu ngħidu le għal dak kollu li jmur kontra r-rieda t’Alla u ngħidu iva għal kull ma jrid Hu: le għat-tentazzjonijiet, billi naqtgħu mill-ewwel dawk l-affarijiet li nħossuna miġbudin lejhom; iva għal dawk l-affarijiet li Alla fdalna f’idejna; iva għall-imħabba lejn kull proxxmu; iva għall-provi u d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom…

Jekk nagħmlu hekk, l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jagħti t-togħma, il-ħeġġa, is-saħħa, u d-dawl lill-ħajja nisranija tagħna li ma jistax ikun li ma jkollniex jekk ħajjjitna tkun waħda awtentika.

Għalhekk anki min ikun qrib tagħna jinduna li aħna m’aħniex biss ulied tal-familja tagħna tal-bnedmin, imma wlied Alla.

Chiara Lubich

Referenzi

1. Parola di vita, Ġunju 2000, ippubblikata fuq Città Nuova, 2000/10, p.7.

2. ara Rum 8,15; Gal 4,5.

3. ara Rum 5,5.

4.1 Tm 6, 12.

2011, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2011
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2011

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)