Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Kotba
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2012

Posted on 01/08/201207/11/2026 By admin
“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10: 32,33).

Għalina l-insara din il-Kelma tal-ħajja hi ta’ faraġ kbir u tħeġġeġ l-insara kollha. Biha Ġesù qed iħeġġiġna biex ngħixu bi sħiħ il-fidi tagħna fih, għax il-ħajja eterna tagħna tiddependi minn kif inkunu ġibna ruħna miegħu f’ħajjitna hawn fl-art. Hu jgħidilna li jekk aħna nuru li nafuh quddiem il-bnedmin, hu jkun jista’ juri li jafna quddiem Missieru. Iżda, jekk inkunu ċħadnieh quddiem il-bnedmin, hu wkoll jiċħadna quddiem il-Missier.

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Għax iħobbna, Ġesù qed ifakkarna fil-premju jew fil-kastig li se nieħdu wara din il-ħajja. Kif jgħid wieħed minn Missirijiet il-Knisja, Ġesù jaf li xi drabi aħna aktar nitqanqlu mill-biża’ tal-kastig milli mill-wegħda ta’ premju sabiħ. Għalhekk hu qed ikabbar fina t-tama fil-hena bla tmiem u fl-istess ħin, biex isalvana, iqanqal fina l-biża’ tal-kundanna.

F’moħħu, Ġesù għandu ħaġa waħda biss: li aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem m’Alla. Fl-aħħar mill-aħħar, dan biss jgħodd; dan hu l-għan li għalih ġejna maħluqin. Bih biss, fil-fatt, nistgħu nilħqu l-milja tagħna u niksbu b’mod sħiħ it-tamiet kollha tagħna. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna “nistqarruh” sa minn issa stess. Imma jekk f’din il-ħajja ma rridux li jkollna x’naqsmu miegħu, jekk niċħduh issa, meta naslu biex ngħaddu għall-ħajja l-oħra, għad insibu ruħna maqtugħin minnu għal dejjem.

Meta naslu fi tmiem il-ħajja tagħna hawn fl-art, Ġesù mhu se jagħmel xejn għajr li jikkonferma quddiem il-Missier l-għażla li kull wieħed ikun għamel f’ħajtu, bil-konsegwenza li din l-għażla ġġib magħha. Meta semma l-ġudizzju tal-aħħar, hu ried jurina kemm hi importanti u serja d-deċiżjoni li nieħdu f’din il-ħajja: infatti fuqha tiddependi l-eternità tagħna.

“Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

Xi profitt se nagħmlu minn din it-twissija ta’ Ġesù? Kif se ngħixu din il-Kelma tiegħu? Qed jgħidilna hu stess: “Kull min jistqarr. . . li hu miegħi . . . ”.

Ejjew mela niddeċiedu li nistqarruh quddiem il-bnedmin bis-sempliċità u mingħajr ħabi. Ejjew nirbħu r-rispett uman. M’għandniex inkunu medjokri u nies li jaslu għal kompromess. Dan kollu jġib fix-xejn il-ħajja tagħna ta’ veri nsara.

Irridu niftakru li aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Kristu. Hu jixtieq jasal għand il-bnedmin kollha bil-messaġġ tiegħu ta’ paċi, ġustizzja u mħabba sewwa sew permezz tagħna. Ejjew nagħtu xhieda tiegħu kulfejn inkunu, fil-familja, fuq ix-xogħol, fl-istudju u f’kull ċìrkustanza oħra tal-ħajja.

Għandna nagħtu din ix-xhieda fuq kollox b’imġibitna: b’ħajja onesta, bi drawwiet safja, bla ma nkunu marbutin mal-flus, billi nieħdu sehem fil-ferħ u fit-tbatija tal-oħrajn.

Ix-xhieda tagħna għandna nagħtuha b’mod partikulari billi nħobbu ’l xulxin, inkunu ħaġa waħda. B’hekk il-paċi u l-ferħ sħiħ, li Ġesù wiegħed li jagħti lil kull min hu magħqud miegħu, jimlewlna qalba minn din id-dinja stess u mbagħad aħna nwassluhom lill-oħrajn.

Lil dawk li jistaqsuna għaliex inġibu ruħna hekk, għaliex aħna tant fil-paċi għalkemm qed ngħixu f’dinja mqallba, għandna nwieġbu bl-umiltà u bis-sinċerità bi kliem li jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu. B’hekk inkunu qed nagħtu xhieda ta’ Kristu anki bil-kliem u bl-idejat tagħna. Imbagħad għandu mnejn li ħafna minn dawk li qed ifittxuh, ikunu jistgħu jsibuh.

Xi drabi jista’ jkun li jifhmuna ħażin, jew li ma jaqblux magħna, jew iwaqqgħuna għaċ-ċajt u forsi anki jeħduha kontrina u jippersegwitawna. Ġesù ppreparana anki għal dan: “Bħalma ppersegwitaw lili hekk ukoll jippersegwitaw lilkom” (Ġw 15, 20).

Għadna fit-triq it-tajba. Ejjew inkomplu nagħtu xhieda tiegħu b’kuraġġ anki meta jiġu fuqna l-provi, anki jekk ikollna nagħtu ħajjitna. Dak li qed jistenniena jistħoqqlu dan kollu – hemm il-Ġenna li qed tistenniena, fejn Ġesù, dak li aħna nħobbu, jistqarr li hu magħna quddiem il-Missier għall-eternità kollha.

Chiara Lubich

2012, Kelma tal-Ħajja Tags:L-Iskrittura

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju 2012
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2012

Riċerka libera

Ġabra tal-Kelma tal-Ħajja

2026 2025
2024 2023
2022 2021
2020 2019

Għal snin preċedenti, fittex taħt Kategoriji

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (4) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (4) il-kariżma tal-unità (2) il-maħfra (2) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) L-Iskrittura (206) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (2) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru 2026 04/11/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 2026 01/10/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Settembru 2026 01/09/2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 2026 01/08/2026

Copyright © 2026 Focolare Movement Malta | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)