Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2014

Posted on 01/02/201427/05/2026 By User

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5, 8).

Ġesù jagħti bidu għall-predikazzjoni tiegħu bid-diskors tal-muntanja. Quddiem l-għadira ta’ Tiberijade, fuq għolja qrib Kafarnahum, bilqiegħda, kif kienu mdorrija jagħmlu l-għalliema, Ġesù jħabbar lill-folol min hu l-bniedem hieni. Fit-Testment il-Qadim niltaqgħu ħafna drabi mal-kelma “hieni”, li hi tifħir għal min, b’xi mod jew ieħor, kien jgħix il-Kelma tal-Mulej.

Il-beatitudnijiet ta’ Ġesù kienu jixbhu ’l dawk li d-dixxipli kienu diġà jafu bihom. Imma huma bdew jisimgħu għall-ewwel darba li min hu safi f’qalbu ma kienx biss jixraqlu jitla’ l-għolja tal-Mulej, kif insibu fis-Salm (ara S. 24, 4), imma seta’ saħansitra jara ’l Alla. Mela x’safa kienet dik li kien jixirqilha rigal bħal dan? Dan Ġesù fissru ħafna drabi fil-predikazzjoni tiegħu. Mela, ejjew infittxu nimxu warajh biex insiru nafu sew x’inhi din is-safa.

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.”

Qabel xejn, skont Ġesù, insibu mezz mill-aqwa biex nissaffew: “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġw 15, 3). Mela mhumiex iċ-ċerimonji ritwali li jsaffuna, imma l-Kelma t’Alla. Kliem Ġesù mhuwiex bħal kliem il-bnedmin. Ġesù jinsab preżenti fih, kif inhu preżenti mod ieħor fl-Ewkaristija. Kristu jidħol fina bil-ħila tal-Kelma, u sakemm aħna nħalluha taħdem, hi tagħmilna bnedmin ħielsa mid-dnub u għalhekk safja f’qalbna.

Mela nkunu safja jekk ngħixu l-Kelma, kull Kelma ta’ Ġesù, li teħlisna mill-irbit tagħna u li aħna naqgħu fih jekk qalbna ma tkunx f’Alla u f’dak li jgħallem Hu. Dan l-irbit jista’ jkollu x’jaqsam ma’ affarijiet, ma’ nies u magħna nfusna. Imma jekk qalbna tkun ħsiebha biss f’Alla, l-affarijiet l-oħra jaqgħu kollha.

Biex jirnexxilna nagħmlu dan, tajjeb li matul il-ġurnata ntennu ’l Ġesù, lil Alla, il-kliem tas-Salm li jgħid hekk: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi” (S. 16, 2). Infittxu ntennu ta’ spiss dan il-kliem, l-aktar meta l-irbit li nħossu jkun irid ikaxkarna lejn stampi, sentimenti u ġibdiet li jistgħu jċajprulna d-dehra ta’ dak li hu tajjeb u jeħdilna l-libertà tagħna.

Nitħajru nħarsu lejn ir-riklami jew naraw ċerti programmi fuq it-televixin? Le, ejjew ngħidulu: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi”. Dan ikun l-ewwel pass biex noħorġu minna nfusna, billi nerġgħu niddikjaraw imħabbitna għal Alla. B’hekk nimxu ’l quddiem fis-safa.

Hemm xi persuna jew xi attività li jfixkluna u jidħlu bejna u bejn Alla u jħammġu r-rabta tagħna miegħu? Ikun wasal il-ħin li ntennulU: “Int Mulej il-ġid waħdieni tiegħi!”. Dan jgħinna nsaffu l-intenzjonijiet tagħna u nsibu mill-ġdid il-libertà ta’ ġo fina.

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.”

Meta ngħixu l-Kelma aħna nsiru ħielsa u safja, għax il-Kelma hi mħabba. L-imħabba, bin-nar divin tagħha, issaffina, u ssaffi l-intenzjonijiet tagħna u dak kollu li jinsab ġewwa fina għax, kif tgħid il-Bibbja, fejn hemm l-għerf u r-rieda tagħna, hemmhekk hemm “qalbna”.

Imma hemm imħabba li Ġesù jrid minna u li biha nkunu nistgħu ngħixu din il-beatitudni. Din hi li nħobbu ’l xulxin, b’imħabba li, kif għamel Ġesù, tkun lesta tagħti ħajjitha għal ħaddieħor. Din l-imħabba toħloq atmosfera li fiha l-aktar ħaġa li tolqtok hi s-safa, minħabba l-preżenza t’Alla li hu biss jista’ joħloq fina qalb safja (Ara S. 50,12). Meta nħobbu ’l xulxin il-Kelma taħdem u b’hekk nissaffew u nitqaddsu.

Il-bniedem waħdu m’għandux il-ħila jirreżisti fit-tul kontra t-tiġrib tad-dinja. Iżda fl-imħabba ta’ bejnietna hu jsib ambjent b’saħħtu, ambjent li kapaċi jħarislu s-safa u l-ħajja nisranija vera.

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”.

Il-frott ta’ din is-safa, li kull darba niksbuha mill-ġdid, hu li nkunu nistgħu “naraw” lil Alla; jiġifieri nifhmu dak li Hu jagħmel magħna f’ħajjitna u fl-Istorja tal-bnedmin, nisimgħu leħnu jidwi f’qalbna, nindunaw bil-preżenza tiegħu li nsibuha fil-fqar, fl-Ewkaristija, fil-Kelma, fost dawk li jinħabbu bejniethom u fil-Knisja.

B’hekk aħna nkunu nistgħu ngawdu l-preżenza t’Alla, li tibda minn din id-dinja “billi ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni (2 Kor 5, 7)”, sa ma narawh “wiċċ imb’wiċċ” (1 Kor 13, 12) għal dejjem.

Chiara Lubich

2014, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2014
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2014

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme