Skip to content
Arkivju

Arkivju

Moviment tal-Fokolari

  • Home
  • Kelma tal-Ħajja
  • Spiritwalità
  • Dokumenti oħra
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Media library
  • Kategoriji
    • Artikli ppubblikati
    • Intervisti Radju Marija
    • Kelma tal-Ħajja
    • Kotba
    • Media library
    • Spiritwalità
  • Kuntatt
  • Toggle search form

Kelma tal-Ħajja ta’ Marzu 2014

Posted on 01/03/201427/05/2026 By User

“Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu f’imħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu” (Ġw 15, 10).

Dan hu kliem meħud mid-diskors twil li nsibuh fir-raba’ Vanġelu (ara Ġw 13,31-17,26) u li Ġesù għamel lill-appostli tiegħu wara l-aħħar Ċena. Minn dan il-kliem joħroġ ċar li jekk aħna nħarsu l-kmandamenti tiegħu, aħna nibqgħu fl-imħabba. Dan il-kliem ifakkarna f’dak li Ġesù kien għadu kemm qal lill-appostli: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14, 15). Minn dan nindunaw li l-imħabba tagħna għal Ġesù tħeġġiġna biex inħarsu l-kmandamenti tiegħu.

Għalhekk l-imħabba tagħna lejH twassalna biex inħarsu l-kmandamenti (u l-ħarsien tal-kmandamenti jżid l-imħabba tagħna għaliH). L-imħabba għal Ġesù tħeġġiġna ngħixu dejjem aħjar Kelmtu; fl-istess waqt l-għixien tal-Kelma jwassalna biex nibqgħu fl-imħabba tagħna lejH u nikbru fiha.

“Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu f’imħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”

Mela, nibqgħu f’imħabbtu. Imma Ġesù, xi jrid jgħid b’dan il-kliem? M’hemmx dubju, irid jgħid li meta aħna nħarsu l-kmandamenti, dan ikun is-sinjal u l-prova li aħna veri ħbieb tiegħu. Din hija l-kundizzjoni biex anki Ġesù jkun il-ħabib tagħna. Iżda jidher li hemm tifsira oħra u din hi li meta nħarsu l-kmandamenti tiegħu, fina tinbena dik l- imħabba li tiġi mingħand Ġesù. Hu jaqsam magħna l-istil tiegħu kif iħobb, li narawh fil-ħajja kollha tiegħu fuq din l-art: imħabba li kienet tagħmel ’il Ġesù ħaġa waħda mal-Missier u, fl-istess ħin, kienet tħeġġu biex isir ħaġa waħda ma’ kulħadd, l-aktar maż-żgħar, ma’ min hu dgħajjef u mwarrab mis-soċjetà.

L-imħabba ta’ Ġesù kienet tfejjaq kull ġerħa tar-ruħ u tal-ġisem, kienet tagħti l-paċi u l-ferħ lill-qlub kollha, kienet tmur lil hinn minn kull firda billi kienet tagħmel lil kulhadd aħwa u ħaġa waħda bejniethom.

Jekk ngħixu kliemu, Ġesù jgħix fina u jagħmel minna wkoll għodda ta’ mħabbtu.

“Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu f’imħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”

Mela kif se ngħixu l-Kelma tal-Ħajja ta’ dan ix-xahar? Ngħixuha billi nżommu quddiem għajnejna u nħarsu dejjem ’il quddiem lejn fejn irridu naslu: ngħixu ħajja nisranija li ma tkunx kuntenta billi tagħmel l-inqas ħaġa li tista’ tagħmel, ħajja bierda li tħares il-kmandamenti minn barra biss, imma trid tkun ħajja ġeneruża. Hekk għamlu l-qaddisin, li huma l-Kelma t’Alla ħajja.

Dan ix-xahar, ejjew nieħdu Kelma ta’ Ġesù, kmandament tiegħu, u nagħmlu ħilitna biex ngħixuh.

Peress li l-Kmandament il-Ġdid ta’ Ġesù (“Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” – ara Ġw 15, 12) hu l-qalba, hu l-ġabra fil-qosor tal-kliem kollu ta’ Ġesù, ejjew ngħixuh b’ħilitna kollha.

Chiara Lubich

2014, Kelma tal-Ħajja Tags:Kelma tal-Ħajja

Post navigation

Previous Post: Kelma tal-Ħajja ta’ Frar 2014
Next Post: Kelma tal-Ħajja ta’ April 2014

Riċerka libera

Kategoriji

Agħżel id-data

Tags

Alla Missier (2) Alla Mħabba (3) Chiara Lubich (5) Chiara t'Assisi (1) djalogu tal-imħabba (1) Djarju (1) ekumenismu (3) ghaqda (1) Għaqda fost l-Insara (2) il-Kelma t’Alla (5) il-maħfra (1) Il-paċi (2) il-ħniena (1) ir-Rużarju Mqaddes (1) Kelma tal-Ħajja (53) Knejjes Insara (4) Kristu Rxoxt (1) l-Ewkaristja (1) ll-Ġimgħa Mqaddsa (1) Marija (2) mħabba lejn il-proxxmu (3) Papa Frangisku (1) rieda t'Alla (1) Saltna ta’ Alla (1) San Pawl (2) spiritwalità kollettiva (1) storja tal-Moviment (1) Ġesù fostna (1) Ġesù l-Imgħallem (1) Ġesù Rxoxt (2)

Kategoriji

Agħżel id-data

Żidiet riċenti

  • Ir-Regola tad-Deheb
  • Il-Kelma tibni l-komunità
  • Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju 2026
  • Kelma tal-Ħajja ta’ April 2026

Copyright © 2026 Moviment tal-Fokolari (Malta) | VO/1624 Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)

Powered by PressBook Blog WordPress theme